Henoch-Schönlein Purpura (HSP)


Henoch-Schönlein purpura  (HSP fil-qosor) hi kundizzjoni fejn it-tfal ikollhom:
  • Raxx ħamrani skur fil-ġilda, l-aktar fir-riġlejn, il-minkeb u l-warrani;
  • Uġigħ ta’ żakk;
  • Uġigħ u nefħa fil-ġogi (eż l-irkoppa);
  • Fil-pipi jista’ jkun hemm xi traċċi ta’ demm jew albumina.
HSP tiġri minħabba infjammazzjoni fiċ-ċirkolazzjoni. Ma nafux eżatt il-kawża għalkemm ġieli tigi wara infezzjoni fil-griżmejn. L-HSP hi aktar komuni fis-subien u tiġri l-aktar fit-tfal minn età ta’ sentejn sa għaxar snin (għalkemm tfal akbar u adulti jista’ jkollhom HSP ukoll).

Wara li ssir dijanjosi fl-isptar jew fil-klinika tat-tabib, il-kura tista’ tingħata d-dar. Erġa’ kellem lit-tabib jekk it-tfal jirremettu jew il-kundizzjoni tmur għall-agħar. Ġeneralment m’hemmx bżonn testijiet tad-demm. Dawn is-sintomi jgħaddu weħidhom fi ftit ġimgħat. M’hemmx bżonn kura speċjali għajr għal mistrieħ u xi mediċina għall-uġigħ (bħal paracetamol jew ibuprofen). Rari jintużaw l-isteroids. Il-ġogi ma ssirilhom ħsara.

Xi tfal li jkunu fiequ minn HSP jista’ jerġa’ jkollhom l-istess sintomi xi xhur wara li jkun għaddielhom. Ġeneralment is-sintomi jkunu aktar ħfief mill-ewwel darba u jgħaddu weħidhom.

It-tabib ikun irid jibqa’ jara lit-tfal għal xi xhur biex jassigura li l-kliewi ma kienux affettwati billi jiċċekkja l-pipi u l-pressjoni.

Kellem tabib mill-ewwel jekk it-tfal joħroġilhom raxx li ma jiċċarax meta tagħfsu.