L-ekżema fit-tfal


L-ekżema hi kundizzjoni kronika fil-ġilda u tinvolvi infjammazzjoni, raxx u ħakk. It-tfal li jbatu mill-ekżema jħossuhom skomdi u mdejjqin, speċjalment bil-lejl, għax il-ġilda tkun xotta u irritanti.

Ma nafux il-kawża tal-ekżema, imma nafu li hi aktar komuni jekk fil-familja hemm min ibati b’allerġija (ekżema, hayfever jew ażma). L-ekżema tista’ tibda fl-ewwel xhur tal-ħajja u taffettwa madwar 20% tat-tfal taħt it-tlett snin.

It-tabib jasal għad-dijanjosi mill-eżami mediku u mingħajr il-bżonn ta' testijiet speċjali ħlief meta jkun hemm suspett ta' allerġija għall-ikel.

L-ekżema tista' taffettwa l-wiċċ, wara l-irkoppa, fuq quddiem tal-minkeb, il-pala tal-id u partijiet oħra tal-ġisem.

L-ekżema tagħmel perjodu ħażin imbagħad tikkalma u tagħmel żmien tajjeb (‘remission’), biex terġa’ tirkadi wara ftit ġranet, ġimgħat jew xhur (‘flare-up’). Ħafna tfal joħorġu mill-ekżema bejn sentejn u ħames snin. Xi wħud jibqgħu jbatu minn din il-kundizzjoni għal żmien itwal. Tfal li jkollhom l-ekżema jistgħu jiżviluppaw il-hayfever jew l-ażma aktar tard f'ħajjithom.

L-Emollient

L-aktar ħaġa importanti fil-kura ta’ l-ekżema huma l-emollient (moisterizer) li jżomm il-ġilda niedja u ratba, inaqqas il-ħakk u jbiegħed il-flare-ups. Uża l-emollient regolarment anke meta l-ekżema tkun kontrollata sew.

Il-Ħasil

Meta tagħti banju, uża ilma fietel (anqas minn 35°C). Tużax sapun normali. Aħsel it-tarbija bi prodott apposta. Laħlaħ sew bl-ilma, ixxotta b’mod ġentili billi ittappap bix-xuġaman (pat dry), u dellek mill-ewwel l-emollient ma' kullimkien, speċjalment fejn ikun hemm l-ekżema.

L-Ilbies

Tużax ħwejjeġ tas-suf jew materjal sintetiku. Libbes ħwejjeġ ta’ taħt tal-qoton biss. Issaħħanx it-tarbija żżejjed. Tħallix lit-tarbija fix-xemx diretta. Aħsel il-ħwejjeġ b’detergent apposta (non-bio). Laħlaħ il-ħwejjeġ tajjeb bl-ilma biss; tużax fabric softener.

L-Ambjent

Żomm l-kamra friska. Tużax dehumidifier. Iftaħ għall-arja kuljum. Ibdel il-lożor ta’ spiss. Uża vacuum cleaner u biċċa niedja meta tnaddaf biex tnaqqas mill-għabra. Biex tevita l-grif (li jkompli jagħmel ħsara lill-ġilda), aqta’ d-dwiefer qosra.

Steroids

Waqt il-flare-up ikun hemm bżonn tal-isteroids biex nikkontrollaw l-infjammazzjoni. L-isteroids huma mediċinali u għandhom jintużaw biss fuq il-parir tat-tabib. Jekk jintuzaw kif suppost l-isteroids huma safe, imma jekk jintużaw ħażin jista’ jkollhom side effects permanenti fuq il-ġilda. L-isteroid għandu jkun applikat fuq ir-raxx biss; l-emollient jista’ jkun applikat kullimkien, imma speċjalment fuq ir-raxx. Waqqaf l-isteroid meta jkun ordnalek it-tabib u kompli dellek l-emollient kuljum bħas-soltu.

It-tabib jista' jiktiblek ukoll dlik li ma fihx steroids (bħal Elidel jew Protropic), speċjalment biex jintuża fuq il-wiċċ.

Antihistamines

Waqt flare-up, it-tabib jista’ jordnalek ukoll mistura anti-histamine (bħall-Atarax) li tingħata filgħaxija biex tnaqqas il-ħakk u traqqad.

Tħallix lit-tfal tiegħek ibatu għalxejn minħabba l-ekżema. Din il-kundizzjoni tista' tkun ikkontrollata sewwa. Ħu l-parir tat-tabib.

Grazzi lil Dr Sue Aquilina, Dermatologist, tal-għajnuna tagħha fil-kitba ta' dan l-artiklu.

Aktar tagħrif: Malta Eczema Society