Tiltewa kull irkoppa


Daqqet il-qanpiena tal-bieb. “Qed inqassmu kotba fuq il-Bibbja,” qaltli minn fuq intercom. Jehovah Witnesses. Kull meta nitkellem magħhom inħoss demmi jagħli għax ma niflaħx nisma' min jiddiżonora lil Sidna Ġesù  u jnneżżgħu mill-glorja Divina tiegħu.

Sakemm inżilt it-taraġ ftakart fi Francis Shaeffer, il-filosfu Kristjan. Darba minnhom, qabel laqgħa ma’ wieħed ateist, Shaeffer talab ‘l Alla li jekk lil dan il-bniedem ma jikkonvinċih fuq xejn, tal-anqas jdewwqu ftit mill-imħabba ta’ Kristu. Tlabt l-istess, u b'attitudni ta' ħniena, ftaħt il-bieb.

Kien hemm żewġ nisa, sellimtilhom u stedinthom jidħlu ġewwa. Tkellimna. Smajthom, weġibthom u staqsejthom b’umiltà u rispett.

Qabel telqu ħallejthom b'dan il-ħsieb. “Aħna għandna nilwu rkopptejna biss quddiem Alla, kif jgħid hu stess li m’hemmx Alla ieħor għajru u li kull irkoppa tiltewa lejh. (Isaija 45:22-23). Ladarba intom ma temmnux li Ġesù hu Alla, intom ma tqimuhx billi tinżlu għarkopptejkom quddiemu, hux tassew?” Qablu miegħi.

Ħarist f’għajnhom u komplejt, “Tiftakru x’qal l-Appostlu Pawlu fuq Ġesù? Li 'għall-isem ta’ Ġesù tiltewa kull irkoppa, ta’ ħlejjaq fis-sema, u ta’ ħlejjaq fuq l-art, u ta’ ħlejjaq taħt l-art'? (Filippin 2:10). Dawn l-irkopptjen – tiegħi, tiegħek u tiegħek – se jqimu lil Ġesù. Nittama li tinżlu għarkopptejkom quddiemu bil-qalb u bil-ferħ meta tagħrfu li Ġesù hu tassew Alla.”

Ħallejthom jitilqu. Ħassejt kompassjoni għalihom. Tlabt 'l Alla jagħtihom id-dehen biex jagħrfu ‘l Ibnu Ġesù u jersqu lejh b’fidi u b'qima għas-salvazzjoni ta’ ruħhom.

Aqtar qari: