Is-suffejra f'tarbija tat-twelid
Is-sufferjra hi komuni ħafna fl-ewwel ġranet tal-ħajja, u din titlaq weħidha fi ftit jiem meta l-fwied tat-tarbija jimmatura u jeħles mill-bilirubin fil-musrana.
Ħafna drabi ma jkunx hemm bżonn kura speċjali, imma jekk il-livell ta' bilirubin ikun għoli nuzaw il-phototherapy (it-tarbija titqiegħed mneżża' taħt dawl blù). Din il-kura hi meħtieġa biex inħarsu l-moħħ tat-tarbija minn ħsara.
Ladarba t-tarbija tintbgħat id-dar, raqqadha f'kamra mudlama u ara li qed tixrob biżżejjed. Illum m'għadniex nagħtu l-parir biex it-tarbija titqiegħed fid-dawl tax-xemx. (Id-dawl li jgħaddi mill-ħġieġ mhux effettiv. Barra minn hekk it-tarbija tkun imlibbsa. Id-dawl itellef it-tarbija mill-irqad.)
Xi trabi li jkunu jixorbu l-ħalib tal-omm jibqgħu bis-suffejra għal diversi ġimgħat. Din tissejjaħ 'breast milk jaundice' u hija meqjusa bħala normali, u mhix raġuni biex twaqqaf il-breastfeeding jew li żżid ħalib tal-formula.
Meta għandek tkellem lit-tabib:
- Is-suffejra ddum aktar minn ġimgħatejn mit-twelid.
- It-tarbija tidher marida, mitluqa jew ma tixrobx sewwa.
- It-tarbija jkollha id-deni (aktar minn 37.5C jew 99.5F).
- Il-kokò jkollu kulur bajdani (normalment il-koko jkun isfar bħal mustarda jew ħadrani).
- It-tarbija mhix tixrob biżżejjed (anqas minn 6 ħrieqi mxarbin bil-pipi f'24 siegħa).