Prevenzjoni ta' obeżità għat-tarbija
It-tir għandu jkun li t-tarbija żżid fil-piż matul il-linja fil-growth charts, u mhux li taqbeż minn linja għall-oħra ta' fuqha. Ir-riċerka turi li t-trabi li jżidu fil-piż b'rata mgħaġġla jkollhom tendenza li jibqgħu jeħxienu aktar tard f'ħajjithom. Għalhekk huwa tant importanti li nagħtuhom direzzjoni tajba mill-bidu.
Qabel it-twelid
- Jekk omm qed taħseb li jkollha tarbija u hi overweight, ikkonsidra li tagħmel dieta biex tonqos fil-piż qabel it-tqala.
- Waqt it-tqala segwi l-pariri tal-obstetrician biex ma żżidx piż żejjed.
- Sakemm tista' l-omm għandha tagħżel li tredda' lit-tarbija; nafu li dawn it-tfal għandhom anqas riskju ta' obeżità aktar tard f'ħajjithom.
- Il-ġenituri li jagħtu ħalib tal-formula wkoll jistgħu jgħinu. Isqi t-tarbija meta turik li hi bil-għatx (ġeneralment għall-bidu tarbija tixrob bejn wieħed u ieħor kull 3 sigħat). Waqqaf il-feed meta t-tarbija turi li xebgħet (mhux toqgħod tilgħab sakemm tlaqqat il-flixkun kollu.)
- Tqajjimx it-tarbija bil-lejl biex tixrob bil-ħin (jekk mhux bil-parir tat-tabib jew midwife, peress li t-tarbija tkun għadha ma qabżitx il-piż tat-twelid).
- Tużax il-ħalib biex tikkalma t-tarbija kull meta tibki.
- Iżżid xejn (gallettini jew cereal) mal-ħalib!
- Aħseb biex taqta' l-ħalib matul l-lejl meta t-tarbija jkollha bejn 4 u 6 xhur.
- Tgħaġġilx biex tibda' l-ewwel ikel (weaning); bħala regola ġenerali ibda l-ikel meta t-tarbija qed toqrob 6 xhur, imma żgur qatt qabel 4 xhur.
- Inkludi varjetà ta' ikel bnin u frisk (Ibda bil-ħaxix u l-frott, aktar tard inkludi ħut, pulses, bajd, jogurt naturali, wholegrains, eċċ). Evita prodotti tal-ikel kummerċjali. Agħżel cereal għall-breakfast li fih anqas minn 10g zokkor f'kull 100g tal-prodott.
- Waqqaf il-pure' bejn 8 u 10 xhur, u minflok agħtiha ikel mgħaffeġ jew imqatta biċċiet żgħar. Ta' din l-età ħafna trabi jkunu lesti għal finger foods.
- Ipprovdi diversi snacks bnini (mhux ħlewwiet), bħal jogurt u frott, matul il-jum.
- L-aħjar xarbiet huma l-ħalib u l-ilma. Tagħtix juices u xarbiet ħelwin.
- Tisforzax lit-tarbija tiekol aktar milli trid jew taljenha bit-TV jew logħob waqt l-ikel.
- Tagħtix bottle waqt li t-tarbija tkun rieqda.
- It-tarbija għandha tkun fuq il-mejda mal-bqija tal-familja waqt il-ħin tal-ikel (biex tosserva u titgħallem tiekol).
- Ħalli lit-tarbija tmiss u taqbad l-ikel, u titma' lilha nnifisha.
- It-tarbija, mhux il-ġenituri (jew in-nanna), tiddeċiedi jekk tkunx kielet biżżejjed. Irrispetta l-aptit tagħha; meta turi li xebgħet jew ma tridx aktar, tkomplix tisforzaha biex tiekol kollox.
- Illimita ħafna l-użu tat-TV u gadgets. Tħallix it-tarbija fil-play-pen jew highchair għal ħin twil. Ħalliha fuq tapit fl-art u ilgħab magħha.
Familja b'saħħitha
Il-ġenituri għandhom jaħdmu fuq il-lifestyle tal-familja tagħhom, kemm fl-ikel u fl-attività fiżika. It-tfal eventwalment jaddottaw l-istess stil ta' ħajja bħal ġenituri u sikwit anke il-piż bħal tagħhom! Ara hawn: link.