Il-ħalib għat-tarbija

Il-Ħalib tat-Trab


Il-flixkun u l-gażaża jridu jkunu maħsulin bl-ilma sħun u sapun, permezz ta’ brush, u steriliżżati. Għall-ewwel sitt xhur, għalli l-ilma (anke l-ilma minerali) sakemm jiftaħ jagħli. Meta tħallat il-ħalib, l-ewwel itfa’ l-ilma jaħraq sal-marka, imbagħad żid it-trab tal-ħalib - scoop waħda ma kull 30ml ta’ ilma. Berred il-ħalib fil-flixkun u ċċekkja t-temperatura qabel tisqi t-tarbija. Armi l-ħalib żejjed li ma tkunx xorbot.

Isqi lit-tarbija meta tkun bil-għatx, ‘on demand’, u mhux bil-ħin. Bejn wieħed u l-ieħor, fl-ewwel ġimgħat it-tarbija tixrob kull tlieta jew erba’ sigħat. Tqajjimiex biex tixrob jekk iddum aktar minn hekk (ħlief jekk tkun għadha ma ġabitx lura l-piż tat-twelid u fuq parir tat-tabib jew midwife). Jekk it-tarbija ma tixbax, ipprepara 30 mls aktar mis-soltu, u ibqa’ żid minn żmien għal żmien. It-tarbija turik kemm għandha bżonn tixrob, u tipprovax tagħtiha aktar milli tkun trid. Tagħtix ħalib lit-tarbija waqt li tkun rieqda.

Il-ħalib waħdu biżżejjed għall-bżonnijiet nutrittivi tat-tarbija għall-ewwel sitt xhur. Iżżid xejn mal-ħalib (bħall-gallettini jew ross), u m’għandekx tagħtiha tixrob xejn aktar (bħal té tal-kamomilla, ilma sħun jew ilma bil-werqa randa). L-ewwel ikel jinbeda meta t-tarbija jkollha bejn erba’ u sitt xhur.

Il-Ħalib tal-Omm


Sakemm l-omm u t-tarbija jidraw, hemm bzonn ħafna paċenzja u għajnuna. Għall-ewwel ġimgħat huwa normali li t-tarbija tkun imqabbda mal-omm għal sigħat sħaħ billejl u binhar, minn tmien darbiet sa għaxar darbiet kuljum.

L-omm għandha tixrob biżżejjed ilma biex ma tħosshiex bil-għatx, tiekol tajjeb (inkluż ħalib, ċereali, laħam, ħut, frott u ħaxix), tqassam l-ikel f’ħames jew sitt darbiet f’ġurnata, tistrieħ u toħroġ mid-dar. Tista’ tiekol minn kollox f’ammonti moderati u suppliment tal-vitamini. It-tarbija wkoll għandha tingħata l-vitamina D minn meta jkollha 4 ġimgħat.

L-alkoħol jgħaddi fil-ħalib u għandu effett fuq it-tarbija u fuq l-oxytocin li jirregola l-flow tal-ħalib. L-aħjar ma tixrob xejn, imma jekk tieħu, illimita l-ammont għal tazza inbid darba kultant. Il-kafeina ssibha fit-kafè, tè, cola, u ċikkulata, u tagħmel it-tarbija nervuża u diffiċli biex torqod u tixrob. Illimita dawn ix-xarbiet u ċ-ċikkulata, jew jekk hemm bżonn waqqafhom għalkollox. It-tipjip iżid ir-riskju ta’ cot death, infezzjonijiet u allerġija (avolja ma tpejjipx ħdejn it-tarbija). In-nikotina u valeni oħra fis-sigaretti jgħaddu fil-ħalib u jistgħu jikkaġunaw sintomi bħal remettar, uġigħ ta’ żaqq u dijareja fit-tarbija. L-omm għandha tagħmel ħilitha biex twaqqaf it-tipjip sakemm qed treddgħa.

Jekk timrad jew jitlagħlek id-deni għandek tkompli tredda’ lit-tarbija. Tista’ tieħu paracetamol għall-uġigħ jew deni, imma staqsi lit-tabib jew midwife qabel tieħu mediċini oħra.

Isqi lit-tarbija meta tkun bil-għatx (‘on demand’) u mhux bil-ħin jew skeda riġida (ħlief jekk tkun għadha ma ġabitx lura l-piż tat-twelid u fuq parir tat-tabib jew midwife). It-tarbija turik kemm għandha bżonn tixrob.

Tajjeb li tibda tagħti ħalib tal-omm ‘expressed’ bil-flixkun meta jkollha madwar 4 ġimghat biex it-tarbija tidra l-flixkun ukoll. Il-ħalib tal-omm iżomm jumejn fil-friġġ (in-naħa ta’ wara fejn ikun l-aktar kiesar) u 3 xhur fil-freezer (-18°C).

Il-ħalib tal-omm waħdu hu biżżejjed għall-bżonnijiet nutrittivi tat-tarbija għall-ewwel 6 xhur, u m’hemmx bżonn tagħtiha xejn aktar. L-ikel jinbeda meta t-tarbija jkollha bejn erba’ u sitt xhur.

Jekk issib xi diffikoltà jew tħossok taqta’ qalbek, fittex l-għajnuna: ċempel il-Breast Feeding Clinic fl-Isptar Mater Dei fuq 25454445.