Minn dakinhar li titwieled il-ġenituri għandhom jgħinu lit-tarbija tagħhom tiżviluppa s-smigħ, il-viżta tal-għajnejn, is-saħħa tal-muskoli u biex titgħallem tikkomunika.
Għalkemm fl-ewwel ġimgħat it-tarbija torqod għal ħinijiet twal; aktar ma tikber aktar tgħaddi ħin imqajjma u aktar issir konxja tal-ġenituri tagħha u l-ambjent li tkun tgħix fih.
Għalkemm fl-ewwel ġimgħat it-tarbija torqod għal ħinijiet twal; aktar ma tikber aktar tgħaddi ħin imqajjma u aktar issir konxja tal-ġenituri tagħha u l-ambjent li tkun tgħix fih.
It-tarbija titgħallem tiċċaqlaq, tikkomunika, tissoċjalizza u tifhem x’hemm madwarha permezz tal-logħob. It-tarbija mhux dejjem ikollha aptit tilgħab; kultant tkun trid tħalliha weħidha avolja tkun imqajjma. Aħtaf kull opportunità meta t-tarbija tkun f'burdata tajba biex tqatta' ħin tilgħab u titkellem magħha.
Kif jistgħu l-ġenituri jgħinu fl-iżvilupp tat-tarbija tagħhom? Dawn huma ftit suġġerimenti:
- Tkellem mat-tarbija, anki meta tkun qed tagħtiha tixrob.
- Semmgħalha mużika ħelwa u bennina bil-mod.
- Erfagħha fuq dirgħajk ta’ spiss.
- Busha, mellisha bil-ħlewwha u għamlilha massage.
- Kantalha lulluby favorita; din taf tkun ta’ wens għaliha meta tkun imqanżħa.
- Ħares f’għajnejha mill-qrib u tbissmilha.
- Uriha soft toy favorit biex tkun tista’ tiffoka fuqu u ssegwih.
- Uża ċekċieka biex it-tarbija tibda ddur ħalli ssib minn fejn ġej il-ħoss.
- Ħalli lit-tarbija għal ftit ħin fuq żaqqha (tummy time) biex issaħħaħ il-muskoli tal-għonq u l-ispallejn (però raqqadha DEJJEM fuq dahra). Ara hawn: link.
- Oħorġu bit-tarbija fil-pram jew dawra bil-karazza (imma evita kuntatt ma' ħafna nies jew tfal, biex tevita xi infezzjoni).
Tkellem mat-tabib jekk ikollok xi mistoqsijiet fuq l-iżvilupp tat-tarbija.
Ftakar li l-aħjar mod biex tgħin l-iżvilupp tat-tarbija tagħkom huwa billi tilgħabu u tqattgħu ħin magħha, jew f’kelma waħda, billi tgawduha kemm tistgħu.