"Growing Pains"


Xi tfal jgħaddu minn perjodu ta' uġigħat f'riġlejhom. L-uġigħ jista' jkun qawwi jew bħal bugħawwieġ, l-aktar fil-muskoli fuq in-naħa ta’ quddiem tal-koxxa, wara l-irkopptejn, l-għarqub u l-pexxul. Din il-kundizzjoni tolqot l-aktar tfal minn 3 snin sa 12-il sena, u taffettwa s-subien u l-bniet ukoll. Ma jkollhomx uġigħ kuljum, imma l-uġigħ jiġi u jmur għal diversi ġimgħat u anke xhur. L-uġigħ ikun l-aktar filgħaxija, u ġieli jqajjem lit-tfal mill-irqad. Filgħodu ġeneralment iqumu mingħajr ebda sintomi.

Kawżi

M’hemmx evidenza li l-uġigħ jiġi għax it-tfal ikunu qed jikbru. Huwa aktar probabbli li l-uġigħ jiġi mill-istrapazz fuq il-muskoli u l-ġogi bil-ġiri u l-qbiż tat-tfal matul il-jum. Jista’ jkun ukoll li dawn it-tfal ikunu aktar sensittivi għall-uġigħ, u infatti xi wħud minnhom ibatu wkoll b’uġigħ ta’ żaqq u ta’ ras.

Eżami Mediku

Huwa tajjeb li tikkonsulta mat-tabib tat-tfal biex tkun ċerta mid-dijanjosi, speċjalment jekk hemm xi ġogi minfuħin; is-sintomi m’humiex tipiċi ta’ growing pains; l-uġigħ jibqa’ anke filgħodu; riġel wieħed biss ikun effetwat; it-tifel ma jiflaħx; jew qed izappap biex jimxi. It-tabib jistaqsik diversi mistoqsijiet, jeżamina lit-tifel jew it-tifla b’mod ġenerali u jara jekk il-ġogi humiex infjammati. B’hekk ikun jista’ jgħid jekk l-uġigħ hux ġej minn ‘growing pains’ jew jekk jistax ikun ġej minn xi kundizzjoni oħra, u jekk ikunx hemmx bżonn isiru xi testijiet.

Kura

Il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom b’diversi modi.
  1. Meta t-tifel jiġi jgħidlek li miġugħ, ħudu bis-serjetà u b'attitudni ħelwa.
  2. Ogħrok l-muskolu fejn hemm l-uġigħ. Tista' tuża gel apposta.
  3. Saħħan il-muskolu muġugħ b’warm pack għal ħin limitat u neħħih qabel l-irqad. Attent li ma taħraqx il-ġilda! Banju sħun ukoll jgħin.
  4. Jekk l-uġigħ ikun partikularment qawwi, tista’ tuża paracetamol jew ibuprofn fid-doża korretta, u darba kultant.
  5. Eżerċizzji li jġebbdu l-muskoli (stretching) jistgħu jgħinu wkoll.
  6. Ara li jilbsu żarbun addattat għall-isports.
  7. Agħti kuraġġ lit-tifel jew lit-tifla, u fakkarhom li l-problema se tgħaddi weħidha aktar ma jikbru.