Gattone (mumps)


Il-gattone hi infezzjoni kkawżata minn virus. Taffettwa l-aktar il-glandoli tal-bżieq, imma kultant taffettwa wkoll partijiet oħra tal-ġisem. Tolqot l-aktar it-tfal, imma l-adoloxxenti u l-kbar wkoll jistgħu jimirdu biha.

Il-gattone hi marda rari f’pajjiżna għax it-tfal huma mlaqqmin. Dawk li qatt ma tlaqqmu u qatt ma kellhom il-gattone huma f’riskju li taqbadhom.

L-infezzjoni tittieħed mill-bżieq (għatis jew sogħla) u minn oġġetti kontaminati bil-virus. Jgħaddu madwar ġimgħatejn jew tlieta minn meta tkun infettat sakemm joħorġu l-ewwel sintomi.

Is-sintomu ewlieni tal-gattone huwa n-nefħa u l-uġigħ fil-glandola tal-bżieq (parotid gland) li tinsab taħt il-widna. Qabel tintefaħ il-glandola il-pazjent ikollu d-deni, uġigħ ta’ ras, għejja u nuqqas ta’ aptit għal ftit ġranet. In-nefħa fil-wiċċ iddum madwar ġimgħa.

Issoltu l-gattone hi marda ħafifa, imma kultant jista’ jkun hemm komplikazzjonijiet, speċjalment fl-adoloxxenti u l-adulti; għalhekk il-bżonn li kulħadd ikun mlaqqam. Il-komplikazzjonijiet jinkludu:
  • Nefħa u uġigħ fit-testikoli fis-subien (orchitis).
  • Meningite.
  • Telf ta’ smigħ.
  • Korriment fl-ewwel tlett xhur tat-tqala.
M’hemmx kura speċifika għall-gattone. Il-mistrieħ, ilma u paracetamol jgħinu biex itaffu s-sintomi. Il-marda tgħaddi fi żmien ġimgħa. Tfal bil-gattone m’għandhomx imorru l-iskola għal ħamest ijiem minn meta tibda’ tintefaħ il-glandola tal-bżieq.

It-tilqima tal-MMR toffri protezzjoni eċċellenti kontra l-gattone.