L-uġigħ ta’ ras

Tista’ tgħid li t-tfal kollha jħossu uġigħ ta’ ras minn żmien għal żmien. Ħafna drabi l-uġigħ ikun assoċjat mad-deni jew xi infezzjoni bħal riħ jew influwenza. Madankollu ż-żgħar jistgħu jsofru minn uġigħ ta’ ras rikorrenti u kroniku bħal migranja u ‘tension headaches’ bħalma jkollhom l-adulti.

It-tfal rari jippretendu li għandhom uġigħ ta’ ras u għalhekk il-ġenituri għandhom jeħduhom bis-serjetà meta jilmentaw fuq hekk.

Migranja

L-uġigħ tal-migranja hu deskritt bħala tektik jew damdim, fuq naħa waħda jew ż-żewġ naħat tar-ras. Ikun assoċjat ma’ għejja, uġigħ ta’ żaqq, dardir u rimettar. Barra minn hekk it-tfal idejjaqhom id-dawl u l-istorbju. Ta’ spiss l-uġigħ jibda f’daqqa u jdum anqas minn erba’ sigħat. Mhux ssoltu jkun hemm aura (sintomi fil-viżta qabel jibda l-uġigħ).

L-uġigħ ikun hekk qawwi li ma jħallix lit-tfal ikomplu bl-attività tas-soltu. L-uġigħ jgħaddi wara mistrieħ jew raqda fil-kwiet u d-dlam.

Tfal ta’ kull età jista’ jkollhom migranja, imma din hi l-aktar komuni fit-tfajliet adoloxxenti u f’dawk it-tfal li għandhom xi ħadd mill-ġenituri jbati bl-istess kundizzjoni.

Tension headache

L-uġigħ ta’ ras komuni, jew tension headache, jiġi minħabba ġbid fil-muskoli tal-għonq u fir-ras. Jinħass bħal għafis fuq quddiem, in-naħa ta’ fuq jew il-ġenb tar-ras. Mhux issoltu jkun hemm dardir u rimettar. Jista’ jdum anqas minn siegħa, imma jaf idum il-ġurnata kollha, u jirrikorri diversi ġranet fix-xahar. Ġeneralment it-tfal ikunu jistgħu jkomplu għaddejjin bl-attività tas-soltu minkejja l-uġigħ.

Dijanjosi

Il-ġenituri għandhom jikkonsultaw mat-tabib jekk it-tfal ibatu ta’ spiss minn uġigħ ta’ ras, speċjalment jekk ikun qed itellifhom mill-iskola. It-tabib jistaqsi fuq diversi aspetti tal-problema, u jagħmel eżami fiżiku li jinkludi l-pressjoni u eżami tal-għajnejn. Ġeneralment dan ikun biżżejjed biex jasal għal dijanjosi. Kultant ikun hemm bżonn ta’ testijiet speċjali bħal CT scan jew MRI.

Triggers

Attakk ta’ uġigħ ta’ ras sikwit ikun ikkawżat minn xi trigger partikolari. Dawn jinkludu:
  • Il-ġuħ, minħabba li t-tfal jaqbżu l-breakfast jew jdumu ma’ jieklu xi ħaġa.
  • L-għatx, għax ma jixorbux biżżejjed, speċjalment fix-xhur sħan u waqt l-isports.
  • Nuqqas ta’ rqad u l-użu eċċessiv ta’ video games.
  • Problemi emozzjonali bħal stress ta’ eżamijiet, bullying, problemi fil-familja u dipressjoni.
  • Mediċini. Jekk jintużaw ta’ spiss, il-painkillers jistgħu jikkontribwixxu għall-uġigħ ta’ ras. Iddiskuti mat-tabib jekk it-tfal qed jieħdu painkillers regolarment.
  • Intolleranza għall-ikel (nitrates f’ikel bħal bacon, lunceon meat u hot dogs; MSG f’ikel ċiniż; thyramine fil-ġobon; kaffeina fil-colas, ċikkulata, tè u kafè.)
Huwa utli li żżomm djarju apposta u fih tniżżel meta u x’ħin ikun beda l-uġigħ, is-sintomi, it-tul, u x’setgħet kienet il-kawża. Dan jgħin biex tidentifika t-triggers u b’hekk titgħallem tevita sitwazzjonijiet u ikel li jikkawżaw uġigħ ta’ ras.

Prevenzjoni

Il-ġenituri għandhom rwol importanti biex jgħinu lil uliedhom jsibu bilanċ bejn l-iskola u l-istudju fuq naħa, mar-rikreazzjoni u l-isports fuq naħa l-oħra. Għandhom jgħinuhom ukoll jillimitaw il-ħin li jqattgħu quddiem l-iscreen tal-komjuter, TV u video games, u jassiguraw li jieħdu breakfast, ma’ jgħaddux ħin twil mingħajr ma jieklu xi ħaġa bnina, u li jorqdu fil-ħin. Waqt l-isports it-tfal għandhom jixorbu ilma jew sports drink. Il-ġenituri għandhom jitkellmu ma’ wliedhom u jgħinuhom jevitaw l-istess u jsolvu l-problemi tagħhom.

Kura

Waqt attakk tal-migranja, it-tfal għandhom jistrieħu, jimteddu jew jorqdu f’kamra mudlama u fil-kwiet. Qiegħed biċċa niedja u friska fuq il-moħħ.
Agħtihom xi ħaġa ħafifa x’jieklu u jixorbu (imma mhux kaffeina) jekk ma jkunux imdardrin. Agħti mediċina għall-uġigħ, bħal paracetamol jew ibuprofen, mal-ewwel sintomi. Jista’ jkun hemm bżonn mediċini kontra d-dardir. Hemm mediċini oħra li jistgħu jintużaw bil-preskrizzjoni tat-tabib.
Meta tmur għand it-tabib

Huwa rari li l-uġigħ ta’ ras jkun sinjal ta’ mard serju bħal meninġite, tumur jew demm miġmugħ fil-moħħ.

F’dawn iċ-ċirkostanzi l-ġenituri għandhom jfittxu għajnuna medika bla telf ta’ żmien.
  • Jekk l-uġigħ iqajjem lit-tifel mill-irqad.
  • Jekk l-uġigħ qed jiżdied minn jum għall-ieħor.
  • Jekk ikun hemm bidla fil-personalità.
  • Wara ħabta jew daqqa fuq ir-ras.
  • Jekk mal-uġigħ jkun hemm d-deni, dardir u ebusija fl-għonq.
Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.