Jogurt għat-tarbija
Meta nista' nibda nagħti l-jogurt lit-tarbija?
Tista' tintroduċi l-jogurt meta t-tarbija tkun drat tiekol il-ħaxix u l-frott, meta jkollha madwar 6 xhur.
Sa sena t-tarbija tixrob il-ħalib tal-omm jew il-ħalib tat-formula apposta, mhux ħalib pasturizzat. Però t-tarbija għandha tingħata prodotti tal-ħalib bħal jogurt u ġobon mal-ikel l-ieħor minn 6 xhur 'il quddiem. Tista' wkoll iżżid ħalib pasturiżżat mal-ikel (eż. mal-breakfast cereal bħal oats porridge, patata maxx, eċċ).
X'valur għandu l-jogurt?
Il-jogurt jipprovdi l-kalċju u l-proteina, u sustanzi oħra, li t-tarbija teħtieġ biex tikber u għall-għadam b'saħħtu. Huwa diġerit faċilment, u jipprovdi wkoll l-lactobacilli, friendly bacteria li jagħmlu ħafna ġid fil-musrana u għas-saħħa tat-tarbija.
X'tip ta' jogurt għandi nagħti lit-tarbija?
- Jogurt abjad, plain, full-fat, frisk ta' Benna jew Grieg. Tista' żżid xi frott miegħu.
- Jogurt li fih anqas minn 10g ta' zokkor (sugars) f'kull 100g tal-prodott (bħal Yogurt Yummy Kids tal-Benna).
Evita jogurts li fihom aktar minn 10g ta' zokkor (per 100g tal-prodott) jew sweeteners u additives oħra miżjudin magħhom.
Nista' nuża jogurt frisk?
Iva, il-jogurt frisk huwa l-aħjar peress li jkun fih aktar lactobacilli.
Kif nista' nservih?
Tista' tagħtih waħdu, jew imħallat ma' purè tal-frott frisk jew frott imqatta' biċċiet żgħar skont l-età tat-tarbija. Ibda billi tħalltu ma' frott li t-tarbija tkun daqet qabel. Iżżidx għasel mal-jogurt qabel sena.
Xi eżempji:
- Jogurt u applesauce u tikka cinnamon
- Jogurt u ħawħ
- Jogurt u frawli
- Jogurt u banana
- Jogurt u avocado
Kemm-il darba nista' nagħti jogurt?
Darba kuljum biżżejjed. Il-jogurt għandu jkun parti minn dieta li tinkludi varjetà sħiħa ta' ikel ieħor.
Il-jogurt jista' jikkawza allerġija?
Iva, madwar 2% tat-tfal huma allerġiċi għall-ħalib tal-baqra. Is-sintomi jinkludu dijareja, rimettar, biki, nefħa u raxx fil-ġilda. Jekk tissuspetta allerġija kellem lit-tabib tat-tfal.