Sweeteners artifiċjali
Jistgħu t-tfal jieħdu drinks u ikel li fihom ‘sweeteners’ artifiċjali bħall-aspartame u sakkarina?
Illum hawn ħafna prodotti tal-ikel u xorb li fihom dawn is-sustanzi minflok iz-zokkor. Dawn jinkludu luminati (‘light’ u ‘zero’), jogurt (‘light’), ħelu (‘no sugar’) u ikel ieħor.
Dawn il-prodotti huma reklamati bħala mezz biex tikkontrolla l-piż peress li fihom anqas kaloriji miz-zokkor. Madankollu r-riċerka xjentifika ma tikkonfermax dan il-benefiċċju. Għal kuntrarju hemm studji li juru propju l-kontra!
Mhux biss l-effett fit-tul fuq is-saħħa tat-tfal għadu mhux magħruf. Ngħid għalija jien ma rridx nesperimenta bis-saħħa ta’ wliedi. Aħjar mill-ikel naturali żgur li m’hawnx.
Is-suġġerimenti tiegħi rigward it-tfal:
- L-aħjar xarbiet huma l-ilma frisk, ħalib u xi larinġa magħsura.
- Jekk darba kultant jieħdu luminati, nagħżlu soft drink regulari (biz-zokkor).
- Nevitaw kull ikel fi fih sweeteners artifiċjali (li jinkludu acesulfame K, aspartame, saccharin, sorbitol, sucralose u xylitol).
- Nillimitaw il-ħlewwiet (bħal gallettini, ġelat, ċikkulata u cakes) għal ħaġa tal-ħelu waħda biss kuljum, u f’porzjon żgħir.
- Inħeġġuhom jieklu aktar frott frisk.