14 April 2016

Il-bajda għat-tarbija

Fil-passat kien jingħata l-parir li l-bajda għandha tinbeda meta t-tarbija tagħlaq sena. Ir-riċerka turi li m’hemm ebda vantaġġ li tistenna daqshekk biex tintroduċi ikel tant nutrittiv (ara link).

Bl-ebda mod ma tnaqqas ir-riskju ta' allerġija billi tiddawwar milli tintroduċieha fid-dieta. Għal kuntrarju, hemm evidenza li r-riskju ta' allerġija jitnaqqas meta l-bajda tinbeda kmieni.

Il-bajda għandha valur nutrittiv enormi għat-tarbija billi tipprovdi proteina ta' kwalità għolja, ħadid, vitamini (speċjalment folic acid, vitamina B12 u vitamina D), choline, lutein u omega-3.

Meta t-tarbija jkollha madwar sitt xhur u tkun drat tiekol il-ħaxix u frott, inkludi varjetà sħiħa ta' ikel ieħor bħal jogurt, laħam, ħut, tiġieġ, għaġin, ross, għads u bajd.

Fil-prattika tajjeb tintroduċi l-bajda meta t-tarbija tkun tgħallmet tiekol l-ikel bil-biċċiet. Tista' tagħti l-abjad u l-isfar flimkien. L-ewwel darba agħti kuċċarina jew tnejn biex tikkonferma li t-tarbija mhix allerġika għall-bajd. F'każ ta' allerġija (raxx jew nefħa jew biki żejjed), kellem lit-tabib.

Tista' tgħalli l-bajda (iebsa), scrambled, froġa jew bħala parti mill-ikel (ngħidu aħna, mar-ross il-forn u pulpetti). Importanti li l-bajda tkun msajjra sewwa minħabba r-riskju ta’ infezzjoni bis-salmonella. Qatt m'għandek tagħti bajd nej jew ikel li fih bajd nej (bħal sorbet) jew imsajjar ħafif.

Il-bajda tista’ tingħata diversi drabi fil-ġimgħa.