22 September 2016

Il-preparazzjoni tal-ħalib għat-tarbija

L-iġjene

L-iġjene hi essenzjali biex nipproteġu lit-tarbija minn mard infettiv (bħal gastroenterite).

1. Aħsel il-flixkun (bi brush) u l-gażaża bl-ilma sħun u s-sapun, u wara sterilizzhom.

2. Għall-ħalib uża ilma tal-flixkun. (Iċċekkja li l-ilma minerali jkun fih anqas minn 200 mg ta' sodium, Na, u anqas minn 250 mg ta' sulphate, SO4, f'kull litru). L-ilma jrid ikun mgħolli.

3. Aħsel idejk sewwa bl-ilma u s-sapun qabel tipprepara l-ħalib.

Kif tħallat il-ħalib

1. L-ewwel itfa’ l-ilma jaħraq (madwar 70C) fil-flixkun eżatt sal-linja; imbagħad itfa’ n-numru preċiż ta’ scoops ta’ trab tal-ħalib. (Issoltu scoop waħda ma’ kull 30 ml ilma). L-iscoop trid tkun mimsuħa (mhux imborġata).

2. Agħlaq il-flixkun bil-gażaża u t-tapp, u ħawwadu sewwa sakemm it-trab jinħall.

3. Kessaħ taħt l-ilma, iċċekkja t-temperatura billi tqattar ftit ħalib fuq il-polz (irid ikun jinħass fietel, mhux sħun), u isqih lit-tarbija. Armi ħalib żejjed li jibqa’.

Għaliex l-ilma jrid ikun jaħraq?

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tirrakkomanda li l-ilma jrid ikun jaħraq (70C) biex joqtol xi mikrobi li jista’ jkun hemm fit-trab tal-ħalib, speċjalment il-mikrobu Cronobacter sakazakii. Din l-infezzjoni hi rari ħafna, imma tista’ tkun serja, u tiġri l-aktar fi trabi fl-ewwel xahrejn tal-ħajja.

Kif tkun taf li t-temperatura hi 70C? Itfi l-kitla malli tiftaħ tagħli. Stenna bejn kwarta u nofs siegħa. It-temperatura tkun niżlet għal madwar 70C.  Tista’ tuża dan l-ilma jaħraq biex tipprepara l-ħalib jew tista’ tpoġġih ġo thermos biex tużah aktar tard. Attenta minn xi samta.

Tużax ilma jagħli (100C) għax jeqred ħafna mill-vitamini, speċjalment il-vitamini B u C.

Hemm xi ħalib speċjaliżżat li ma jistax jkun preparat b’ilma jaħraq. Aqra sew l-istruzzjonijiet fuq il-prodott li qed tuża.

Nista' nħallat il-ħalib bi ftit ilma jaħraq u nżidu bl-ilma kiesaħ?

Le, għax il-ħalib jiġi aktar konċentrat. Biex jiġi kif suppost, l-ewwel trid titfa' l-ilma eżatt sal-marka, u fuqu titfa' l-iscoops tat-trab tal-ħalib. Il-volum finali jiġi ftit aktar mill-marka.

Nista’ nipprepara l-ħalib u nħallih fil-friġġ?

L-aħjar tipprepara l-ħalib u tisqih mill-ewwel. Fil-prattika ħafna ġenituri jippreparaw il-ħalib minn qabel u jżommuh fil-friġġ sakemm jintuża. Jekk tagħmel hekk agħti attenzjoni speċjali għall-iġjene. Importanti wkoll li tkessaħ il-fliexken bil-ħalib malajr u poġġihom immedjatament fuq in-naħa ta’ wara tal-friġġ. Il-ħalib fil-friġġ irid jintuża fi żmien 24 siegħa.

Aktar informazzjoni

Ktejjeb maħruġ mid-WHO. Ara hawn.