Breath-Holding Spells


X’inhuma ‘breath-holding spells’?

‘Breath-holding spells’ huma episodji meta t-tfal iżommu n-nifs u jogħxew, jiġifieri jintilfu minn sensihom. Jerġgħu jiġu f’tagħhom ġeneralment f’anqas minn minuta. Rarament ikun hemm ukoll aċċessjoni.

‘Breath-holding spell’ huwa rifless li t-tfal m’għandhomx kontroll fuqu. Mhix ħtija tagħhom li jiġrilhom hekk.

5% tat-tfal, subien u bniet, ikollhom 'breath-holding spells'. Dawn l-attakki jiġru fi tfal bejn 6 xhur u 6 snin, imma huma l-aktar komuni bejn sena u tlett snin. Xi tfal ikollhom attakki ta’ spiss, u oħrajn, darba kultant.

Għalkemm jidhru tal-biża’ dawn l-attakki m’humiex ta’ periklu għas-saħħa tat-tfal.

X’iwassal għal ‘breath-holding spells’?

Dawn l-attakki jiġru meta t-tfal żgħar ikunu rrabjati u frustrati (eż. waqt ‘tantrum’), minħabba xi weġgħa (eż. ħabta fir-ras) jew imbeżża’ (eż. jieħdu qatgħa jew jinħasdu).

Kemm hemm forom ta’ breath-holding spells?

Hemm żewġ forom ta’ ‘spells’:
  1. ‘Cyanotic spells’ huma l-aktar komuni. Waqt li jkun qed jibki, it-tifel jieħu nifs il-barra u ma jkunx jista’ jkompli jieħu n-nifs, il-kulur tal-ġilda, speċjalment il-wiċċ, jikħal, u jintilef minn sensih. Jiġru meta t-tfal ikunu rrabjati jew frustrati (eż. għax ikunu ddixxiplinati).
  2. ‘Pallid spells’ huma anqas komuni. Il-ġilda tibjad, it-tifel jintelaq u jintilef minn sensih Dawn it-tip ta’ attakki jiġru l-aktar minħabba xi qatgħa għalarrieda jew xi weġgħa qawwija (eż. ħabta fir-ras). Ġeneralment ma jkunx hemm biki, in-nifs jieqaf u l-qalb tħabbat bil-mod. 
Kif issir id-dijanjosi?

Id-dijanjosi hi bbażata fuq ir-rakkont ta’ dak li jiġri waqt l-attakk. It-tabib jistaqsi mistoqsijiet biex jiddistingwi 'breath-holding' minn kundizzjonijiet oħra bħal epilessija. Fl-eżami mediku jara jekk hemmx sinjali ta’ anemija.

X'inhi l-kura?

Żomm kalma waqt l-attakk. M'hemm bżonn tagħmel xejn ħlief li żżomm lit-tifel. Theżżux u tagħtihx daqqiet. In-nifs jiġi lura f’anqas minn minuta, u t-tifel jistejqer. Meta jgħaddi l-attakk, kompli bħas-soltu qisu ma ġara xejn. Iċċanfarx lit-tifel għax kellu attakk – ftakar li hu m’għandux kontroll fuqu.

F'każ rari meta t-tifel jintilef minn sensieħ, middu ma' ġembu fl-art, sakemm jistejqer.

Jekk ikun hemm sinjali ta’ anemija, it-tabib jista’ jordna test tad-demm u jiktiblek mistura tal-ħadid.

Ipprova evita ‘temper tantrums’ (link). It-tfal li jagħtihom 'breath-holding spells' xorta waħda għandhom bżonn dixxiplina bħal tfal oħra. Il-ġenituri m’għandhomx iżommu lura milli jiddixxiplinawhom għax jibżgħu li tagħtihom ‘breath-holding spell’.

Aktar ma jikbru t-tfal, l-attakki ta' 'breath-holding' jonqsu sakemm jieqfu għal kollox.