Il-kostipazzjoni fit-tfal


Il-kostipazzjoni hi problema komuni fiż-żgħar. Dawn it-tfal idumu ġranet qabel jipporgaw, u jbatu biex jagħmlu għax il-kokò jkun iebes. Għalkemm mhix kundizzjoni serja, il-kostipazzjoni iġġib skumdita u sofferenza u għalhekk għandha tittieħed bis-serjetà.

X’inhuma s-sintomi?

Is-sintomi tax-xedda jistgħu ikunu:

- Dewmien ta’ ġranet biex tipporga
- Kokò iebes u niexef
- Uġigħ ta’ żaqq
- Tiċpis mal-qalziet ta’ taħt
- Ħjut ta’ demm mal-kokò
- Nuqqas ta’ aptit
- Imġieba ħażina

X’iwassal għall-kostipazzjoni?

Ħafna drabi il-problema tibda għax it-tifel weġġa’ waqt li kien qed jagħmel kokò. Għalhekk meta jerġa jħoss il-bżonn li jagħmel, it-tifel jipprova jżomm biex ma jagħmilx għax jibża’ li se jerġa’ jweġġa’. Forsi tinnotah isallab riġlejh, iżomm il-warrani, jitgħawweġ jew jagħmel mossi b’wiċċu. Meta jdum ma jagħmel, il-kokò jibbies, u meta eventwalment jipporga, jerġa’ jweġġa’, u b’hekk jidħol f’ċirklu vizzjuż.

Kif tibda’ l-problema?

Din il-problema tista’ tibda wara xi marda, imqar riħ komuni, peress li meta jkunu morda t-tfal ma tantx jieklu u jixorbu, u għalhekk il-kokò jaf ikun xi ftit xott. Anke bidla fir-rotina, bħal vjaġġar jew il-bidu tal-iskola, jew bidla fid-dieta, jistgħu jwasslu għall-istess problema. Barra minn hekk, il-problema tista’ tiġi għax it-toilet training jinbeda kmieni wisq. It-tfal żgħar kapaċi jisfidaw lill-mamà biex ma jmorrux it-toilet, u din tista’ tinbidel fi drawwa fit-tul.

Hemm xi kondizzjonijiet mediċi li jistgħu iwasslu għall-kostipazzjoni?

Huwa rari li l-kostipazzjoni tiġi minn kundizzjonijiet mediċi bħal hypothyroidism jew Hirshprungs, jew xi mediċina bħall-antacids. Il-kostipazzjoni hi aktar komuni fi tfal bi problemi newroloġiċi.

Għaliex jiċċappas il-qalqiet ta’ taħt?

Peress li fil-musrana l-kbira jingabar ippurgar iebes u goff, il-ħmieġ likwidu jgħaddi minn madwar il-kokò u joħroġ barra. It-tifel ma jagħmilx hekk apposta u għalhekk mhux sewwa li ċċanfru.

Meta għandi nkellem lit-tabib?

Kellem lit-tabib jekk il-kostipazzjoni ddum aktar minn ġimgħa u jekk ikun hemm xi sintomi oħra bħal deni, remettar, demm mal-kokò jew selħa fil-warrani.

X’testijiet għandhom isiru?

Huwa biżżejjed li t-tabib jistaqsi fuq il-kundizzjoni u jeżamina lit-tifel. M’hemmx bżonn ta’ testijiet speċjali ħlief meta ma jkunx hemm rispons tajjeb għall-kura li tingħata.

Hemm soluzzjoni għall-kostipazzjoni?

Din il-problema tista’ tingħeleb jekk issegwi b’reqqa l-kura li tingħata. Il-kura tista’ tieħu fit-tul, ġeneralment għall-diversi xhur.

X’inhi l-kura għall-kostipazzjoni?

Il-porġa hi mediċina li tistimola l-musrana. Ġieli tingħata fil-bidu tat-trattament għal ftit ġranet biss biex tiftaħ il-musrana u tnaddafha minn ippurġar iebes. Il-porga tista’ tkun f’forma ta’ gel, enema jew mistura.

Stool-softener (bħal lactulose/duphalac (mistura) jew laxit-med/movicol paediatric (qratas li jitħalltu mal-ilma) jingħataw kuljum biex jitrattab l-ippurgar, u għalhekk it-tifel jidhra jagħmel kokò kuljum mingħajr problemi jew uġigħ.

Fibra. Inkludi fid-dieta aktar frott (speċjalment larinġ, kiwi, għanbaqar u pruna), ħaxix (speċjalment il-qarabagħli), fażola u ċereali integrali (bħall-ħobż ismar, ross ismar, u ċereali tal-breakfast li fihom il-fibra, bħal oatibix u weetabix).

Likwidi. Ara li t-tifel jixrob biżżejjed ilma. Darba kuljum jista jixrob meraq tal-frott, bħal larinġa magħsura. Illimita l-ammont ta’ ħalib għax il-ħalib żejjed jista’ jikkawza x-xedda. Tfal żgħar jistgħu jixorbu sa madwar 500 ml ħalib kuljum.

Rutina. Darri lit-tifel joqgħod fuq it-toilet kuljum xi nofs siegħa wara l-ikel jew f’xi ħin konvenjenti. Jekk hemm bżonn oqgħod miegħu għidlu storja biex jirrilassa. Fakkar lit-tifel biex imur it-toilet meta jħoss il-bżonn. Inkoraġġih b’attitudni pożittiva.

Jistgħu l-istool-softeners jgħażżnu il-musrana?

Din l-idea komuni hi totalment żbaljata. Dawn il-mediċini huma maħsuba biex jingħataw fit-tul bl-għan li t-tifel jidra r-rutina u jsir kunfidenti jipporga kuljum mingħajr biża’ u problemi. Għalhekk huwa importanti li tkompli tagħti s-stool-softener regolarment u twaqqafhom biss wara li tikkonsulta mat-tabib.

X’inhi d-doża tal-istood stofener?

It-tabib jgħidlek x’doża għandek tibda bija, imma din għandha tiżdied jew titnaqqas b’konsultazzjoni mat-tabib sakemm tara li t-tifel qed jagħmel kokò artab, kuljum u mingħajr uġigħ.

Għaliex kultant il-kura ma taħdimx?

Hemm tlett raġunijiet ewlenin: (1) il-mediċina ma tingħatax regolarment; (2) id-doża tal-mediċina ma tkunx tajba; u (3) il-mediċina titwaqqaf kmieni wisq.

X’inhuma l-prospetti fit-tul?

Ħafna tfal ifiequ għal kollox; oħrajn jerġa’ jkollhom il-problemi minn żmien għal ieħor wara li titwaqqaf il-mediċina. F’dak il-każ wieħed jista’ jerġa’ jibda l-kura għall-perjodu ieħor.