L-Irqad tat-Toddlers


Taf tkun sfida biex iddaħħal it-todder jorqod filgħaxija. Jekk ma jorqdux fil-ħin it-tfal żgħar isiru ‘overtired’ u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jissettiljaw. Il-ġenituri għandhom idaħħluhom fis-sodda kif jibdew juri l-ewwel sinjali ta’ nagħas, u qabel tibda l-qerda u l-imġieba ħażina. L-akbar għajnuna għall-ġenituri hija rutina konsistenti għall-ħin tal-irqad.

L-Ambjent tal-Irqad

Meta jkollhom madwar sena t-tfal għandhom jibdew jorqdu fil-kamra tas-sodda tagħhom.

Raqqdu fil-cot bil-ġnub għoljin. Meta jkollu sentejn jew tlieta (jew meta it-tifel jkun kapaċi jaqbeż mill-cot) ibda raqqad it-toddler f'sodda tal-kbar, b'side rail biex ma jaqax.

Tista' tibda tuża mħaddha baxxa. Minn sena 'il quddiem, tista' tagħti lit-toddler xi teddy bear biex jorqod miegħu.

Libbishom piġama komda. Ftakar li t-toddlers għandhom ħabta jinkixfu matul il-lejl.

Agħlaq il-kamra fid-dlam, imma tista' tħalli night-light b'dawl baxx ħafna.

L-Iskeda tal-Irqad

Tfal bejn sena u sentejn għandhom bżonn bejn 12 u 14-il siegħa ta’ rqad kuljum, mqassmin bejn 10 u 12-il siegħa rqad matul il-lejl, u siegħa jew sagħtejn irqad matul il-jum.

It-toddlers għandhom jorqdu għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija, u jqumu għal ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu. Matul il-jum jieħdu raqda qasira waranofsinhar (għal ħabta tas-siegħa). Sa tminatax-il xahar ħafna toddlers jieħdu nagħsa filgħodu wkoll.

Jekk it-toddler jorqod fit-tul jew tard matul il-jum, għandu mnejn isibha diffiċli biex jorqod fil-ħin filgħaxija.

Xi toddlers jistembħu kmieni filgħodu, anki qabel is-sitta. Huwa inutli li traqqadhom aktar tard bit-tama li jdumu reqdin. Ħallihom xi toys fis-sodda biex jegħdew bihom.

Ir-Rutina tal-Irqad

Huwa kruċjali li jkollok rutina biex tipprerara lit-toddler għall-irqad. Għandek tkun konsistenti anki fil-weekends.

Itfi t-TV, computers u mobiles minn siegħa qabel il-ħin tal-irqad.

Ir-rutina tkun xi ħaġa hekk. Għas-6 ta’ filgħaxija ibda b’banju sħun, ħasil tas-snien, u libbishom il-ħwejjeġ tas-sodda. Daħħal it-toddler fil-kamra tas-sodda, aqralu jew għidlu storja. Daħħlu fil-friex u agħtih is-soft-toy favorit. Talba qasira, bewsa u ‘goodnight’. Itfi d-dawl u itlaq mill-kamra. Il-ħin tal-irqad ikun qrib is-sebgħa.

L-aħjar ma’ tagħtix ħalib immedjatament qabel l-irqad (peress li dan jista’ jwassal għat-taħsir tas-snien). Il-ħalib għandu jingħata qabel il-ħasil tas-snien.

It-toddler jaf idum bejn kwarta u nofs siegħa qabel jorqod. Jekk issejjaħlek jew jibki, idħol ħdejh, mingħajr ma tixgħel id-dawl, u bil-ħlewwa għidlu biex jorqod u erġa’ oħroġ mill-kamra mill-ewwel. Jekk ikun hemm bżonn erġa’ għamel l-istess sakemm jorqod.

Matul il-Lejl

Matul il-lejl it-toddler jista’ jitqalleb jew jibki għal ftit mumenti. M’hemmx għalfejn tmur ħdejh; agħtih iċ-ċans jerġa jorqod waħdu. Jekk jibqa' jibki, mur ħdejh kemm tassigurah u tgħidlu biex jerġa' jorqod. Tibqax fil-kamra ħdejh. Tiħdux jorqod fil-kamra tal-ġenituri.

Xi tfal jgħażżu snienhom. Dan huwa normali u m’hemm bżonn tagħmel xejn.

Xi toddlers jesperjenzaw ‘night terrors’. Iqumu jibku u mħawwdin. Dawn l-episodji jidhru tal-biża’ għall-ġenituri. It-tfal jerġgħu jorqdu wara xi kwarta, u filgħodu ma jiftakru xejn.

Kelma ta' Kuraġġ

Faċli għalija nikteb dwar 'kif suppost' jorqdu t-toddlers. Napprezza li fil-prattika r-realtà taf tkun ferm diffiċli. Imma mhux impossibli tħarreġ lit-tfal jorqdu sew. Hemm bżonn sforz, dixxiplina u konsistenza. Imma meta t-toddlers jitgħallmu jorqdu tajjeb, igawdi kulħadd. Il-ġenituri jkollhom ftit ħin filgħaxija biex jieħdu nifs. It-tfal jorqdu u jistrieħu aħjar, u l-imġieba tagħhom matul il-jum tkun aħjar ukoll.