Is-snien tat-tarbija



L-ewwel snien joħorġu meta t-tarbija jkollha madwar sitt xhur. L-età taf tvarja minn 3 xhur sa sena jew aktar. Is-soltu jitilgħu iż-żewġ sinniet ta’ quddiem t’isfel, imbagħad l-erba’ sinniet ta’ quddiem ta’ fuq. Sa sentejn jew tlieta jkunu ħarġu s-snien, in-nejbiet u d-dras kollha, għoxrin b’kollox.

It-Teething

Minn madwar xahrejn 'il quddiem it-tarbija tibda ddaħħal idejha f'ħalqha. Dan hu pass ieħor fl-iżvilupp normali tat-tarbija u ma jfissirx li hemm bżonn xi kura speċjali.

Waqt it-teething (meta tkun qed taqsam il-ħanek) it-tarbija tliegħeb u iddaħħal idejha u oġġetti oħra f’ħalqha biex tgiddem fihom. Tista’ wkoll tmiss u tħokk widintha. It-tarbija taf tkun mdejjqa, miġugħa u tibki aktar mis-soltu. L-aptit jista’ jonqos; l-irqad ukoll jista’ jkun imfixkel.

Is-snien ma jtellgħux deni għoli; għalhekk jekk it-tarbija jkollha d-deni, jew tkun tidher marida, kellem tabib. Tassumix li d-deni ġej mis-snien għax it-tarbija jaf ikollha xi infezzjoni serja.

Il-ġenituri jistgħu jgħinu lit-tarbija b’diversi modi:
  1. Orgħoq b'subajk nadif il-ħanek tat-tarbija.
  2. Agħti teething ring lit-tarbija biex tgiddem fih. Qabel poġġih fil-friġġ biex jiffriska (imma mhux fil-friża għax jibbies u jista' jagħmel ħsara l-ħanek). Torbotx it-teether m’għonq.
  3. Jekk l-uġigħ ikun aktar qawwi jew ikun qed itellef lit-tarbija mill-irqad, agħtiha paracetamol jew ibuprofen.
  4. Imsaħ il-bżieq mill-wiċċ biex tevita raxx fil-ġilda; jekk ikun hemm bżonn, idlek ftit vażellina.
  5. Tisforzax lit-tarbija tiekol u tixrob aktar milli tkun trid.
It-teething gel mhux rakkomandat (peress li ftit li xejn huwa effettiv u għax prodotti li fihom mediċini bħal benzocaine jew lignocaine jistgħu jikkawżaw kundizzjoni fid-demm, methaemoglobinaemia. Din hi rari ħafna imma tista' tkun perikoluża. (Aktar tagħrif: link). Teething gels 'naturali' ġenerament ikun fihom iz-zokkor u m'humiex effettivi.

Iċ-ċappetta jew il-ġiżirana tal-amber m'humiex rakkomandati. M'hemm ebda evidenza xjentifika li jgħinu, u jistgħu jkunu perikolużi għax it-tarbija tista' tixraq u tifga (jekk jinqatgħu ż-żibeġ) jew titgħallaq (jekk il-ġiżirana taqbad ma' x'imkien).