Snien b’saħħithom

Il-ġenituri għandhom jibdew jieħdu ħsieb snien it-tarbija mill-bidu sabiex jibqgħu b’saħħithom u sbieħ. Jekk l-ewwel snien jitħassru u jaqgħu qabel iż-żmien, is-snien permanenti jistgħu jitilgħu ħażin.
Il-Kura tas-Snien
1. Tbillx il-gażaża fiz-zokkor, għasel jew juice. Aqta' l-gażaża kemm jista’ jkun kmieni (meta t-tarbija jkollha madwar sena).
2. Il-bottle għandu jintuża għall-ħalib biss. Minn sena 'l quddiem uża beaker jew tazza minflok il-bottle.
3. Iżżidx zokkor jew sensation mal-ħalib. Tagħtix ħalib tal-kulur jew luminata lit-tfal.
4, It-tfal aħjar jieklu frotta minflok jixorbu l-fruit juice jew pouches bil-frott. Madankollu jekk tagħti fruit juice – mhux aktar minn darba f'ġurnata, sa 100 ml, agħtih minn tazza (mhux minn flixkun), u mal-ikel (mhux waħdu).
5. Tagħtix ħlewwiet ta’ spiss (minħabba t-taħsir tas-snien u minħabba l-ħxuna).
6. Ħu lit-tarbija għand id-dentist għal check-up meta jitfaċċaw l-ewwel snien.
Il-Ħasil tas-Snien
Meta joħorġu l-ewwel sinniet, ibda aħsilhom darbtejn kuljum, b’toothbrush ratba.
Aħsel is-snien l-aħħar ħaġa qabel l-irqad filgħaxija, u f'ħin ieħor fil-ġurnata. Il-ħasil tas-snien għandu jsir drawwa u rutina ta’ kuljum.
Agħżel toothpaste addattat skond l-età:
- 1000 ppm flouride għat-trabi u t-tfal żgħar.
- 1500 ppm flouride għat-tfal ta’ seba’ snin jew aktar.
Tużax toothpaste li ma jkunx fih flouride ("no flouride").
Uża tikka toothpaste (daqs rossa fit-tfal żgħar, daqs piżella fi tfal aktar).
Tlaħlaħx il-ħalq wara l-ħasil tas-snien (jekk tlaħlaħ il-ħalq il-flouride ma jkunx daqshekk effettiv biex jipproteġi s-snien mit-taħsir).
Minn età ta' madwar 6 snin, ħafna tfal jitgħallmu jaħslu snienhom weħidhom, għall-bidu taħt superviżjoni tal-ġenituri.
Wara il-ħasil tas-snien filgħaxija, it-trabi u t-tfal m'għandhomx jingħataw ikel jew ħalib qabel jorqdu jew matul il-lejl.
Ara wkoll: Is-Snien tat-Tarbija u Children's Teeth NHS
Ringrazzjament lil Dr. Evan Camilleri u Dr. Adam Bartolo tar-review tagħhom tal-artiklu.