L-Aċċessjonijiet tad-Deni


It-tfal żgħar tista' tagħtihom aċċessjoni meta jkollhom id-deni. L-aċċessjoni tad-deni tista' tiġri meta t-tfal ikollhom bejn sitt xhur u sitt snin, imma hi l-aktar komuni fl-età bejn sena u sena u nofs. Għalkemm tidher tal-biża’, l-aċċessjoni tad-deni s-soltu tgħaddi fi ftit minuti u mingħajr ebda konsegwenzi.

Waqt l-aċċessjoni l-ġisem għall-ewwel jibbies; ftit wara jibdew jiċċaqalqu d-dirgħajn u r-riġlejn bla kontroll. It-tifel jista’ wkoll jitniegħed, wiċċu jsir blu għal ftit ħin, u jintilef minn sensih. Dan kollu jdum madwar minuti. Meta tgħaddi l-aċċessjoni, it-tifel jerġa’ jiġi f’sensih, imma wara jista’ jħossu bin-ngħas u jorqod.

Madwar 4% tat-tfal ikollhom aċċessjoni tad-deni fi tfulithom. Hemm ċans akbar li t-tfal ikollhom aċċessjoni tad-deni jekk wieħed mill-ġenituri kellu aċċessjonijiet bħal dawn fi tfulitu. It-tfal li kellhom l-ewwel aċċessjoni tad-deni għandhom 30% ċans li f’xi żmien jerġa’ jkollhom aċċessjoni oħra.

It-tfal li kellhom aċċessjoni tad-deni ordinarja jiżvilluppaw normali bħal tfal oħra. Mhemmx bżonn mediċina biex tilqa’ kontra l-aċċessjonijiet tad-deni.

L-EWWEL GĦAJNUNA

Agħmel
  • Ibqa’ kalm, u nnota l-ħin x’ħin bdiet l-aċċessjoni.
  • Ibqa’ ħdejn it-tifel, u ara li ma jaqax għal isfel jew jaħbat ma' xi ħaġa iebsa.
  • Meta tgħaddi l-aċċessjoni:
    • Dawwar it-tifel fuq ġenbu fir-recovery position, bħall-istampa t'hawn fuq.
    • Ħu t-temperatura b'termometru diġitali taħt l-apt.
    • Agħmel suppożitorju tad-deni.
Tagħmilx
  • Tiprovax iżżomm iċ-ċaqliq tal-idejn u s-saqajn.
  • Tpoġġix oġġetti jew subgħajk fil-ħalq.
  • Tagħtix mediċina biex tnaqqas it-temperatura waqt l-aċċessjoni.
  • Tqigħedx lit-tifel f’banju bl-ilma jew taħt shower.
Jekk l-aċċessjoni ddum aktar minn 5 minuti, ċempel għall-ambulanza fuq in-numru 112. Tmurx l-emerġenza bil-karożża privata għax bit-tensjoni li jkollok tista’ taħbat! L-istaff tal-ambulanza jkunu jistgħu jwaqqfu l-aċċessjoni bil-mediċina li jġibu magħhom.

Jekk l-aċċessjoni tgħaddi fi ftit minuti, ikkonsulta mat-tabib tat-tfal tiegħek jew ħudu l-isptar mingħajr għaġġla żejda, sabiex it-tabib jeżamina lit-tifel u jara minn fejn ġej id-deni. Mhux bil-fors ikun hemm bżonn testijiet speċjali.

Ftakar li l-aċċessjoniet tad-deni huma komuni; ġeneralment mhumiex sinjal ta’ mard serju; u lanqas ma jwasslu għal problemi ta’ saħħa fit-tul. It-tabib li jeżamina lit-tifel ikun jista’ jiggwidak u jserraħlek moħħok.

Aktar tagħrif