Favism


Meta jibda l-istaġun tal-ful (Marzu u April) kull sena jiddaħħlu l-isptar tfal żgħar minħabba kundizzjoni li tissejjaħ favism. L-isem ġej mill-"fava beans" jew "broad beans" – peress li dawn it-tfal huma sensittivi għall-ful.

Il-favism hi kundizzjoni ġenetika, jiġifieri li tintiret, l-aktar fis-subien, li taffettwa ċ-ċelloli ħomor tad-demm (minħabba livell baxx tal-enzyme G6PD, u infatti tissejjaħ ukoll G6PD deficiency).

Jekk dawn it-tfal jieklu l-ful jew ikel li fih il-ful (bħal kusksu), fi żmien qasir isiru pallidi minħabba anemija, jisfaru minħabba s-sufferja, u l-pipì tiskura. Jista' wkoll ikollhom nifs mgħaġġel u jintelqu bla saħħa.

Meta jiġri hekk ikun hemm bżonn jinġiebu l-isptar, u jekk ikun meħtieġ jingħataw trasfużjoni tad-demm. Wara li tkun ikkonfermata d-dijanjosi b'test tad-demm, minn hemm 'il quddiem ma jkunux jistgħu jieklu ful u ma jkunux jistgħu jieħdu ċerti mediċini.

Il-favism mhix kundizzjoni serja meta wieħed jkun jaf bija: ikun jeħtieġ biss li jevita li jiekol il-ful u b'hekk jgħix ħajja normali. Għid lit-tabib li t-tifel għandu favism meta jkun se jiktiblek xi mediċina.

Suġġeriment lill-ġenituri tat-tfal żgħar

Jekk se tagħti l-ewwel darba l-ful lit-tifel, ibda b'ammont żgħir sabiex jekk jinzerta li għandu l-favism, ma jkunx hemm effett qawwi. Jekk ma jiġri xejn minn hemm 'il quddiem tkun tista' tagħti ammont normali ta' ful.