Favism
Meta jibda l-istaġun tal-ful (għal Marzu u April), xi tfal żgħar jiddaħħlu l-isptar minħabba kundizzjoni msejħa favism. L-isem ġej mill-"fava beans" jew "broad beans" – peress li l-ful ma jaqbilx magħhom.
Il-favism hi kundizzjoni ġenetika – mhix allerġija għall-ful. Ġeneralment tintiret mill-omm (li tkun carrier) għal uliedha subien. Iċ-ċelloli ħomor tad-demm ikollhom livell baxx tal-enzyme G6PD, u infatti tissejjaħ ukoll G6PD deficiency.
Jekk dawn it-tfal jieklu l-ful jew ikel li fih il-ful (bħal kusksu), iċ-ċelloli tad-demm tagħhom jitkissru. Fi żmien qasir isiru pallidi (anemija), u jisfaru (suffejra). Il-pipì tiskura. Jista' wkoll ikollhom nifs mgħaġġel u jintelqu bla saħħa.
Meta jiġri hekk ikun hemm bżonn jinġiebu l-isptar, u jekk ikun meħtieġ jingħataw trasfużjoni tad-demm. Wara li tkun ikkonfermata d-dijanjosi b'test tad-demm, minn hemm 'il quddiem ma jkunux jistgħu jieklu ful u ma jkunux jistgħu jieħdu ċerti mediċini.
Il-favism mhix kundizzjoni serja meta wieħed jkun jaf biha: ikun jeħtieġ biss li jevita li jiekol il-ful u b'hekk jgħix ħajja normali. Għid lit-tabib li t-tifel għandu favism meta jkun se jiktiblek xi mediċina.
Suġġeriment lill-ġenituri tat-tfal żgħar
Jekk se tintroduċi l-ful lit-tifel, ibda b'ammont żgħir (fula waħda jew tnejn) sabiex jekk jinzerta li għandu l-favism, ma jkunx hemm effett qawwi. Jekk ma jiġri xejn, minn hemm 'il quddiem tkun tista' tagħtih aktar.
