Overdose ta' Paracetamol

Il-paracetamol huwa probabbli l-aktar mediċina li tintuża fit-trabi u fit-tfal għad-deni u għall-uġigħ. Min għandu t-tfal fid-dar issib ukoll l-Arfen jew Remedol, il-Calpol jew Panadol syrup.

Jekk jintuża kif suppost, il-paracetamol huwa safe, imma f'ammont żejjed jaf ikun perikoluż immens, għax iwassal għal ħsara fil-fwied u saħansitra l-mewt.

Il-paracetamol għandu jingħata f'doża korretta (ngħidu aħna, 125 mg f'tarbija ta' 10 kg). Jekk ikun hemm bżonn tista' tirrepeti d-doża bejn 4 u 6 siegħat, imma MHUX AKTAR MINN 4 DOŻI F'24 SIEGĦA.

Qatt u  fl-ebda ċirkostanza m'għandek tagħti aktar minn 4 dożi f'ġurnata.

Ħafna ġenituri għandhom fissazzjoni biex iniżżlu d-deni, meta t-tfal kapaċi jittolleraw ftit deni mingħajr problemi ta' xejn.

Il-paracetamol, u l-mediċinali l-oħra, għandhom jinżammu f'post fejn it-tfal ma jistgħux isibuhom.

L-aħħar ħaġa: jekk ikun hemm overdose aċċidentali jew apposta ta' paracetamol, il-persuna għandha tittieħed l-isptar IMMEDJATAMENT, għax il-kura taħdem biss jekk tingħata mill-ewwel.

Ara wkoll: Il-Paracetamol