Il-paracetamol

X’inhu l-paracetamol?
  • Il-paracetamol (Calpol, Panadol, Arfen, Remedol, Tipol) huwa mediċina li jtaffi l-uġigħ u jniżżel id-deni.
  • Il-paracetamol ma traqqadx u lanqas tħeddel lit-tfal.
  • Jista’ jintuża fit-trabi u tfal akbar. Kellem it-tabib mill-ewwel jekk tarbija ta’ anqas minn tlett xhur ikollha d-deni jew tidher ma tiflaħx.
Suppożitorju jew mistura?
  • Il-mistura tal-paracetamol għat-trabi u t-tfal żgħar (infant and baby suspension) fija 120mg ta’ paracetamol kull 5mls; filwaqt li is-Six-Plus (maħsuba għal tfal ta’ aktar minn 6 snin) fija 240mg kull 5mls. Uża l-kuċċarina provduta (mhux kuċċarina tad-dar) jew siringa biex tkejjel il-mediċina.
  • Staqsi għal mistura sugar-free.
  • Is-suppożitorji ta’ 75 mg jew 80 mg jintużaw fit-trabi li jiżnu anqas minn 8 kg; tal-125 mg jintużaw fi tfal li jiżnu 8 kg jew aktar; suppożitorji tal-250 mg jintużaw fi tfal li jiżnu 15-il kilo jew aktar. Mhux rakkomandat li taqsam is-suppożitorji. Aktar informazzjoni kif tużu s-suppożitorji: link.
Meta tagħti l-paracetamol?
  • Għati l-paracetamol jekk huwa verament bżonnjuż.
  • Id-deni huwa r-rispons normali tal-ġisem għall-infezzjoni u għalhekk m’hemmx għalfejn tagħti mediċina sempliċiment biex tniżżel id-deni.
  • Jekk it-tifel jidher mdejjaq bid-deni jew bl-uġigħ, agħtih il-paracetamol biex iħossu aħjar.
  • Tagħtix paracetamol qabel it-tilqim. Jekk wara t-tilqima t-tarbija tkun imdejjqa bid-deni jew l-uġigħ agħtiha mistura tal-paracetamol. Jekk ikun hemm bżonn agħti doża oħra wara 4 sigħat. Kellem lit-tabib jekk id-deni jew l-uġigħ jippersistu wara t-tieni doża.
X’inhi d-doża korretta?
  • Id-doża skont l-piż tat-tfal huwa minn 10 sa15 mg/kg/doża
  • Għad-doża skont l-età, ikklikkja fuq it-tabella hawn taħt.
  • Iċċekkja d-doża korretta miktuba fuq il-prodott innifsu.
  • Tista’ tirrepeti d-doża wara 4 siegħat jekk verament ikun hemm bżonn.
  • Tagħtix aktar minn 4 dożi f’24 siegħa.
  • Tagħtix paracetamol ma' mediċini oħra li fihom il-paracetamol.

X’nagħmel f’każ ta’ overdose?
  • Il-paracetamol huwa perikoluż jekk jittieħed f’overdose għax jista’ jagħmel ħsara fil-fwied. Żomm il-paracetamol f’post fejn ma jsibuhx it-tfal, idealment f’kexxun jew armarju msakkar.
  • Jekk it-tifel jieħdu overdose ta’ paracetamol kellem lit-tabib mill-ewwel jew mur l-isptar bla telf ta’ żmien.