Il-qamel fix-xagħar
Il-qamel jgħix biss fix-xagħar uman u għalhekk ma jistax jittieħed mill-annimali. Il-qamel huwa komuni, speċjalment fit-tfal żgħar, u ma jfissirx nuqqas ta’ iġjene jew li x-xagħar maħmuġ.
Il-qamla tbid il-bajd u twaħħilhom max-xagħar, qrib ir-root, biex jisħnu mal-ġilda tar-ras. Jinstabu l-aktar wara l-widnejn u qrib il-hairline fuq il-naħa ta’ wara tal-għonq. Il-bajd huma żgħar ħafna u bilkemm tarahom. Wara ġimgħa l-bajd ifaqqsu, il-qxur tal-bajd (in-nits jew is-subien) jibqgħu mwaħħlin max-xagħar, jidhru bojod, ovali u jleqqu. Ġimgħa wara li tfaqqas l-qamla timmatura biżżejjed biex tibda tbid.
Il-ħakk fir-ras huwa s-sintomu ewlieni tal-qamel, imma mhux kulħadd ikollu l-ħakk. Mhux dejjem faċli li tinduna li t-tfal għandhom l-qamel. Jekk għandek suspett, iċċekkja billi tuża moxt irqieq apposta fuq xagħar imxarrab u bi ftit conditioner u f’dawl tajjeb. Il-qamla hi daqs il-ġulġliena, tidher kannella u titħarrek.
Għal kura kellem lill-ispiżjar. Jien nippreferi prodotti li ma fihomx insecticides. M'hemmx evidenza biżżejjed li t-tea tree oil huwa effettiv.
Aqra sew l-istruzzjonijiet fuq il-prodott. Wara uża moxt irqieq apposta biex tneħħi l-qamel u n-nits, u fl-aħħar aħsel ix-xagħar b’shampoo ordinarju.
Dawn il-mediċini ma jgħinux għall-prevenzjoni, u għandhom jintużaw biss fit-tfal li fil-fatt għandhom il-qamel f’xagħarhom. Għat-tfal tal-iskola tajjeb li tiċċekkja ix-xagħar (niedi, bi ftit conditioner, u moxt irqieq apposta) darba fix-xahar.