Il-qamel fix-xagħar


Il-qamel (head lice u nits) huwa insett żgħir li jgħix biss fix-xagħar uman. Il-qamel fix-xagħar huwa komuni ħafna fit-tfal żgħar u l-familji tagħhom. Ma jiġix minn xagħar maħmuġ. Il-qamel jittieħed b'kuntatt dirett minn ras għal ras u ma jistax jittieħed mill-annimali.

Il-qamla tbid il-bajd u twaħħalhom max-xagħra, qrib ir-root. Jinstabu l-aktar wara l-widnejn u qrib il-hairline fuq il-naħa ta’ wara tal-għonq. Il-bajd huma żgħar ħafna u bilkemm tarahom. Wara ġimgħa l-bajd ifaqqsu, il-qxur tal-bajd (in-nits jew is-subien) jibqgħu mwaħħlin max-xagħra, jidhru bojod, ovali u jleqqu. Ġimgħa wara li tfaqqas l-qamla timmatura biżżejjed biex tibda tbid.

Il-ħakk fir-ras huwa s-sintomu ewlieni tal-qamel, imma mhux kulħadd ikollu l-ħakk. Mhux dejjem faċli li tinduna li t-tfal għandhom l-qamel. Nissuġġerixxi li tiċċekkja ix-xagħar tat-tfal żgħar għall-qamel darba fil-ġimgħa, b'moxt irqieq apposta, bix-xagħar niedi u b'conditioner. Il-qamla hi daqs il-ġulġliena (3–4 mm), u tidher kannella u titħarrek.

Għal kura kellem 'l-ispiżjar. Jien nissuġġerixxi li tuża prodott li fih dimethicone, li jaħdem b'mod fiżiku, u li mhux insecticide. Aqra sew l-istruzzjonijiet fuq il-prodott. Wara li tapplika l-prodott, uża il-moxt irqieq apposta biex tneħħi l-qamel u n-nits, u fl-aħħar aħsel ix-xagħar b’shampoo ordinarju. Ikkura fl-istess żmien lill-membri oħra tal-familja jekk huma wkoll għandhom il-qamel.