Id-deni fit-tarbija
Jekk tħoss lit-tarbija taħraq jew tkun tidher ma tiflaħx, iċċekkja t-temperatura biex tara jekk għandiex id-deni. Ma tistax tiddeċiedi jekk għandiex deni jew le billi sempliċiment tħossha b’idejk.
Waqt li jkun tiela d-deni, it-tarbija tħoss il-bard, ikollha tkexkix tal-bard, u tkun tinħass kiesħa speċjalment fit-truf ta’ l-idejn u s-saqajn. Meta jitla’ id-deni, it-tarbija tkun tinħass taħraq.
Dejjem kellem tabib meta t-tarbija jkollha d-deni. Sa tlett xhur mur milll-ewwel l-isptar jekk it-tarbija għandha d-deni. Tistenniex it-tabib jiktiblek antibijotiku kull meta t-tarbija jkollha d-deni għax ħafna drabi ma jkunx hemm bżonn.
It-Termometru
Uża termometru digitali ordinarju (simili għal dan li jidher fl-istampa hawn taħt). Ma nirrakkomanda ebda tip ta' termometru ieħor.
Kif Tieħu t-Temperatura
Ħu t-temperatura minn taħt l-abt (armpit) (mhux fil-patata jew fil-ħalq). Żomm sod it-termometru dirett mal-ġilda, waqt li żżomm id-drigħ mal-ġemb (kif jisher fl-istampa hawn taħt). Stenna sakemm tisma’ l-ħoss. Aqra t-temperatura kif tiġi mingħajr ma żżid jew tnaqqas xejn. It-tarbija jkollha id-deni jekk it-temperatura tkun 37.5°C/99.5°F jew aktar.
Kif Tikkontrolla d-Deni
Jekk it-tarbija jkollha d-deni agħtija paracetamol (mistura jew suppożitorju). Iċċekkja d-doża sew skond l-età jew il-piż. Jekk ikun hemm bżonn tirrepeti d-doża bejn 4 u 6 sigħat, sa erba’ darbiet f’24 siegħa.
Libbisha komda. Tużax biċċa niedja, ilma, silġ jew banju biex tniżżel id-deni.
Aċċessjoni tad-Deni
F’każ ta’ aċċessjoni tad-deni, żomm il-kalma. Waqt aċċessjoni, it-tarbija tintilef minn sensiha, u tagħti b’idejha u riġlejha. L-aċċessjoni ddum bejn 5 -10 minuti. Dawn l-aċċessjonijiet, għalkemm jidhru tal-biża', m’humiex ta’ periklu. Waqt l-aċċessjoni ara li t-tarbija ma taqax jew taħbat ma xi ħaġa iebsa. Tipprovax twaqqaf l-aċċessjoni b’idejk u tpoġġi xejn f’ħalq it-tarbija. Wara li l-aċċessjoni tgħaddi, kellem lit-tabib biex jeżamina t-tarbija u jara minn fejn ġej id-deni.
Jekk l-aċċessjoni ddum aktar minn 10 minuti, ċempel 112 u staqsi għall-ambulanza. Tieħux it-tifel l-isptar fil-karozza privata.
Meta Għandek Tkellem lit-Tabib
- Deni f’tarbija mit-twelid sakemm ikollha tlett xhur anke jekk it-tarbija tkun tidher tajba (mur dritt l-isptar)
- Deni f’tarbija taħt is-sena speċjalment jekk tidher ma tiflaħx.
- Deni li jippersisti aktar minn 24 siegħa fit-tfal kollha.
- Jekk it-tarbija turi dawn is-sintomi: nifs mgħaġġel jew batut, biki kontinwu, telqa jew ħedla kbira, raxx bħal tbenġil (li ma jiċċarax meta tagħfas tazza tal-ħġieġ fuqu), aċċessjoni u rimettar jew dijarea frekwenti (mur dritt l-isptar)
- Kellem lit-tabib jekk tħossok inkwetata jew jekk it-tarbija taqleb għall-agħar avolja qabel kien diġa’ invistaha tabib.
Updated March 2024
Ara wkoll Id-deni fit-tfal