Is-suppożitorji


Is-suppożitorju huwa metodu konvenjenti kif tagħti l-mediċina lit-tarbija. Tfal akbar jibdew jiddejqu mis-suppożitorji u jibdew jippreferu l-mistura -- jew jirrifjutaw il-mediċina tkun f'liema forma tkun!

F'Malta l-użu tas-suppożitorji huwa komuni. L-aktar suppożitorji li jintużaw fit-tfal huma l-Arfen, Tipol, Voltaren u Tefin (dawn jingħataw għad-deni u uġigħ) u Rectodelt (steroid).

Is-suppożitorji għandhom jinżammu fil-friġġ, speċjalment fis-sajf, biex ma jinħallux.

Kif tapplika suppositorju

Dejjem iċċekkja li qed tagħti l-mediċina t-tajba u d-doża korretta!  Qatt m'għandek taqsam is-suppożitorju jekk mhux bl-ordni tat-tabib.

Aħsel idejk. Dawwar is-suppositorju bejn subgħajk sakemm jibda jirtab u joħroġ minnu bħal żejt. Dan iservi ta' lubrikant (u hekk is-suppożitorju jidħol jiżloq ħelu ħelu). Tista' wkoll trattbu bi ftit ilma fietel jew applika ftit lubricating jelly (by KY gel), imma mhux vażelina, sudocream jew barrier cream ieħor (peress li dawn jistgħu jnaqqsu l-absorption mal-mediċina).

Biex tapplika s-suppożitorju, għolli s-saqajn tat-tarbija 'l fuq (qisek se tbiddel l-ħarqa), deffes is-suppożitorju għall-ponta (mhux bil-kontra). Imbottah b'subgħajk il-werrej biex is-suppożitorju jinġibed 'l ġewwa; altrimenti jerġa joħroġ. Żomm għal ftit sekondi iż-żewġ naħat tal-patata, kif jidher fl-istampa. Erġa' aħsel idejk.

Jekk is-suppożitorju jerġa' joħroġ mill-ewwel, tista' terġa' tagħmel ieħor. Mill-banda l-oħra jekk ikun għadda l-ħin (aktar minn 5 minuti) terġax tagħmel ieħor għax tispiċċa tagħti doża doppja.