Is-suppożitorji



Is-suppożitorju huwa mod konvenjenti kif tagħti l-mediċina lit-tarbija u tfal żgħar. F'Malta nużaw suppożitorji tal-paracetamol, diclofenac u prednisolone.

Is-suppożitorji għandhom jinżammu fil-friġġ, speċjalment fis-sajf, biex ma jinħallux.

Kif tapplika s-suppożitorju

  

Dejjem iċċekkja li qed tagħti l-mediċina t-tajba u d-doża korretta! Taqsamx is-suppożitorju ħlief bil-parir tat-tabib.
  1. Aħsel idejk.
  2. Dawwar is-suppożitorju bejn subgħajk għal xi nofs minuta sakemm tħossu jirtab u joħroġ minnu bħal żejt. Dan iservi ta' lubrikant. M'hemmx għalfejn tidilku bil-vażelina jew barrier cream (peress li dawn inaqqsu l-absorption tal-mediċina). 
  3. Biex tapplika s-suppożitorju, qiegħed lit-tarbija fuq is-sodda jew nappy changer la ġenba; ara l-istampa (i). 
  4. B'id waħda iftaħ il-ħaddejn tal-warrani biex issib it-toqba, u bl-id l-oħra deffes is-suppożitorju għall-ponta (mhux bil-kontra). Imbottah 'l ġewwa b'sebgħek il-werrej biex is-suppożitorju jinġibed 'l ġewwa.
  5. Żomm il-ħaddejn tal-warrani flimkien għal minuta; ara l-istampa (ii).
  6. Erġa' aħsel idejk.
Jekk is-suppożitorju jerġa' joħroġ mill-ewwel, tista' terġa' tagħmel ieħor. Mill-banda l-oħra jekk ikun għadda l-ħin (aktar minn 5 minuti) terġax tagħmel ieħor għax tispiċċa tagħti doża doppja.