2 March 2013

Id-deni fit-tfal

Fil-qosor
  • Ħu t-temperatura taħt id-driegħ (armpit) b'termometru diġitali.
  • Id-deni jibda minn 37.5C (99.5F). 
  • Tagħtix mediċina sempliċiment biex tnaqqas id-deni. Uża pararcetamol jew ibuprofen jekk it-tifel jew it-tifla jkunu mdejjqin bid-deni jew b’xi wġigħ.
  • Uża paracetamol jew Ibuprofen imma mhux it-tnejn flimkien.
  • Offri ilma u xorb ieħor biex it-tfal ma jixxottawx.
  • Tagħmlix tepid sponging, banju jew tneżża’ l-ħwejjeġ kollha biex tnaqqas id-deni.
  • Kellem tabib jekk it-tarbija jkollha d-deni (speċjalment fl-ewwel xhur tal-ħajja anke jekk tkun tidher tajba).
Id-deni

Il-ġisem iżomm it-temperatura stabbli, madwar 36-37˚C, tkun xi tkun it-temperatura fl-ambjent. Meta t-temperatura togħla ‘l fuq minn normali jfisser li hemm: (1) infezzjoni; (2) reazzjoni għat-tilqima; jew (3) it-tarbija tkun xotta jew msaħħna żżejjed.

Waqt li jkun tiela’ d-deni, it-tifel iħoss tkexkix ta’ bard u t-truf t’idejh ikun kesħin. Wara xi ħin it-tifel jinħass sħun, jiħmar u jista' jixxarrab bil-għaraq.

It-termometru

It-termometru diġitali huwa l-aħjar għażla għax hu preċiż u faċli biex taqrah. Il-ħġieġa tad-deni mhix rakkommandata peress li faċilment tinkiser.

Kif tieħu t-temperatura

It-temperatura tista’ tittieħed minn diversi postijiet (milll-ħalq, minn taħt id-driegħ, fil-widna jew mill-warrani), imma għas-sempliċità, nissuġġerilek tieħu t-temperatura minn taħt id-driegħ.

Agħfas il-buttuna; poġġi t-tarf tat-termometru f'nofs l-armpit imiss dirett mal-ġildaiġbed id-driegħ ‘il ġewwa u żomm it-termometru sod; stenna sakemm idoqq (u daqs minuta aktar għax it-temperatura tkompli tiela ftit ieħor). Aqra t-temperatura kif tkun, mingħajr ma żżid jew tnaqqas xejn.

Temperatura anqas minn 37.5˚C (99.5˚F) hija normali; ogħla minn 37.5˚C (99.5˚F) tfisser deni.

Kif tikkontrolla d-deni

It-tfal żgħar jittolleraw id-deni u għalhekk m’hemmx bżonn li dejjem tagħti l-mediċini għad-deni. Id-deni jgħin biex il-ġisem jiġġieled l-infezzjoni. Jekk it-tifel ikun skomdu, tajjeb li tagħti paracetamol jew ibuprofen biex iħossu aħjar. Tagħtix paracetamol u iboprofen flimkien. Huwa importanti li tagħti d-doża korretta. Il-paracetamol jista’ jingħata kull 4 sigħat, skond il-bżonn, sa massimu ta’ erba’ darbiet f’24 siegħa.

Tużax biċċa niedja (‘tepid sponging’) jew banju biex tniżżel id-deni. Ara li t-tifel ikun liebes u mgħotti komdu. Żomm it-temperatura tal-kamra komda, imma mhux kiesħa.

Bid-deni nitilfu ħafna ilma fl-għaraq u man-nifs. Għalhekk agħtih jixrob ilma, ħalib, jogurt, brodu jew jelly biex ma jixxottax. Tisforzaħx jiekol. Huwa normali li meta jkunu morda, it-tfal jieklu anqas mis-soltu.

Tfal morda għandhom jistrieħu imma mhux bil-fors fis-sodda. Ġeneralment it-tfal jistgħu jirritornaw l-iskola 24 siegħa wara li jkun niżel id-deni.

Meta tkellem it-tabib

Id-deni għoli mhux dejjem jindika infezzjoni serja; mill-banda l-oħra infezzjoni serja mhux dejjem timmanifesta ruħha b’deni għoli. Għalhekk huwa importanti li tagħti każ tal-kundizzjoni ġenerali tat-tifel u sintomi oħra. Staqsi lilek nnifsek: it-tifel għadu jilgħab, fuq tiegħu, jitbissem u jidħak, speċjalment x’ħin ma jkollux deni? Jew jidher imdejjaq, mgħaxxex jew miġugħ? Qiegħed ibati biex jieħu n-nifs jew in-nifs mgħaġġel?

Fittex għajnuna medika f’dawn iċ-ċirkostanzi:

1. Deni f’tarbija mit-twelid sakemm ikollha tlett xhur, avolja t-tarbija ma tkunx tidher marida.

2. Deni f’tarbija taħt is-sena jekk tkun tidher ma tiflaħx.

3. Fit-tfal ta’ kull età, jekk id-deni jibqa’ jippersisti aktar minn 3 ijiem.

4. Ikun hemm sintomi bħal nifs mgħaġġel jew nifs batut, biki kontinwu, telqa jew ħedla kbira, raxx bħal tbenġil (li ma jiċċarax meta tagħfas tazza tal-ħġieġ fuqu), uġigħ fil-griżmejn jew widnejn, aċċessjoni u rimettar jew dijareja frekwenti.

Kellem tabib jekk tħossok inkwetata u jekk il-kundizzjoni tmur għall-agħar anke jekk qabel kien diġa’ rah tabib.

L-aċċessjoni tad-deni

Tfal minn 6 xhur sa 5 snin, speċjalment it-toddlers, jista’ jagħtihom aċċessjoni bid-deni. It-tifel jintilef minn sensieh, jibbies, xofftejh jikħalu, u wara ftit jibda’ jagħti b’idejh u saqajh. L-aċċessjoni ddum ftit minuti u ħafna drabi t-tifel jorqod wara li tgħaddi bla ebda konsegwenzi.

F’każ ta’ aċċessjoni, ibqa’ kalm, innota x’ħin bdiet, oqgħod ħdejn it-tifel u ara li ma jaqax jew jaħbat ma x’imkien u jweġġa’. Ixxarbux, tagħtix mediċini, tipprovax twaqqaf iċ-ċaqliq jew tqiegħed subgħajk jew xi oġġett f’ħalqu. Meta tieqaf l-aċċessjoni qiegħed it-tifel fuq ġenbu u għamillu suppożitorju tad-deni. Wara l-aċċessjoni kellem tabib biex jeżamina t-tifel u jara minn fejn ġej id-deni.

Jekk l-aċċessjoni ddum aktar minn 10 minuti, ċempel 112 u staqsi għall-ambulanza. Tieħux it-tifel l-isptar fil-karozza privata.