It-Tfal Jixxenqu għall-Approvazzjoni tal-Ġenituri


It-tfal jixxennqu u jeħtieġu l-approvazzjoni, it-tifħir u l-kuraġġ tal-ġenituri tagħhom. Sfortunatament kultant niskoraġġixxu ‘l uliedna bil-kritika u tmaqdir ta' spiss u esaġerat, waqt li bilkemm nfaħħruhom jew nikkomplimentawhom fis-suċċessi tagħhom.

Jekk tifel iħoss li jagħmel x’jagħmel qatt ma jista’ jikseb l-approvazzjoni tal-ġenituri, ma jibqax jipprova jogħġobhom u jaqta’ qalbu.

Hu eħfef nikkritikaw l-aspetti negattivi fl-imġieba u l-karattru, filwaqt li qajla nsemmu l-kwalitajiet tajba u talenti sbieħ. Hu faċli niffokaw fuq il-ħażin u qatt ma ngħidu xejn fuq it-tajjeb. Jekk it-tifel qaleb tazza ħalib fuq il-mejda inkunu pronti biex inwiddbuh (jekk mhux ukoll ngħajjruh kemm hu goff), imma qajla ninnotaw, u wisq anqas infaħħruh jekk f’xahar sħiħ qatt ma jkun qaleb l-imbierka tazza! Jekk nikkoreġu t-tifla meta tispelli kelma ħażina, m'għandniex infaħħruha għall-għoxrin l-oħra miktubin korrett?

Kultant ikun hemm bżonn inċanfru lit-tfal, basta b’attitudni tajba; imma daqshekk ieħor importanti li nfittxu u nsibu xi ħaġa tajba, żgħira kemm hi żgħira, biex infaħħruhom.

Jeħtieġ niddistingwu bejn l-azzjoni ħażina u t-tifel jew it-tifla li tagħmilha. Jekk it-tifel għamel xi ħaġa ħażina, minflok tgħidlu, 'Kemm inti naughty', jew 'Kemm inti pastaż,' ikun aħjar tgħidlu xi ħaġa hekk, 'Kyle, għamilt ħażin. Inti tifel bravu, darb' oħra mhux se tagħmel hekk, hux vera?' Jekk lit-tifel tagħtih it-tikketta 'pastaż', x'tip ta' mġieba se tistenna minnu? Imma jekk tgħidlu li hu bravu, tkun qed timmotivah biex iġib ruħu aħjar.

Tfal li jitrabbew f’ambjent negattiv u kritiku jitilfu kull kunfidenza fil-ħiliet tagħhom, filwaqt li jieħdu attitudni negattiva lejn ħaddieħor ukoll. Jitgħallmu jmaqdru u ftit japprezzaw u jifirħu bit-tajjeb u s-sabiħ fihom infushom u f'ħaddieħor.