It-tfal jixxenqu għall-approvazzjoni tal-ġenituri


It-tfal jixxennqu l-approvazzjoni u t-tifħir tal-ġenituri tagħhom. Bħalma kultant għandhom bżonn minn jikkoreġihom, wisq aktar għandhom bżonn minn jagħmlilhom kuraġġ!

Sfortunatament, kultant niskoraġġixxu ’l uliedna bil-kritika u tmaqdir ta’ spiss u esaġerat, waqt li bilkemm infaħħruhom jew nikkomplimentawhom fis-suċċessi tagħhom.

Jekk it-tifel iħoss li jagħmel x’jagħmel qatt ma jista’ jikseb l-approvazzjoni tal-ġenituri, ma jibqax jipprova jogħġobhom u jaqta’ qalbu.

Hu eħfef nikkritikaw l-aspetti negattivi fl-imġiba u l-karattru, filwaqt li qajla nsemmu l-kwalitajiet tajbin u t-talenti sbieħ. Hu faċli niffokaw fuq il-ħażin u qatt ma ngħidu xejn fuq it-tajjeb. Jekk it-tifel qaleb tazza ħalib fuq il-mejda, inkunu pronti biex inwiddbuh (jekk mhux ukoll ngħajruh kemm hu goff), imma qajla ninnotaw, u wisq anqas infaħħruh, jekk f’xahar sħiħ qatt ma jkun qaleb l-imbierka tazza! Jekk nikkoreġu t-tifla meta tispelli kelma ħażina, m’għandniex infaħħruha għall-għoxrin l-oħra miktuba korrett?

Kultant ikun hemm bżonn inċanfru lit-tfal, basta b’attitudni tajba; imma daqstant ieħor importanti li nfittxu u nsibu xi ħaġa tajba, żgħira kemm hi żgħira, biex infaħħruhom.

Jeħtieġ niddistingwu bejn l-azzjoni ħażina u l-persuna li tagħmilha. Jekk it-tifel għamel xi ħaġa ħażina, minflok tgħidlu, “Kemm inti naughty” jew “Kemm inti pastaż”, ikun aħjar tgħidlu xi ħaġa hekk: “Kyle, għamilt ħażin. Inti tifel bravu; darb’oħra mhux se tagħmel hekk, hux vera?” Għax jekk lit-tifel tagħtih it-tikketta “pastaż”, x’tip ta’ mġiba se tistenna minnu? Mhux pastażati? Imma jekk tgħidlu li hu bravu, tkun qed timmotivah biex iġib ruħu aħjar.

Tfal li jitrabbew f’ambjent negattiv u kritiku jitilfu kull kunfidenza fil-ħiliet tagħhom, filwaqt li jieħdu attitudni negattiva lejn ħaddieħor ukoll. Jitgħallmu jmaqdru u ftit japprezzaw u jifirħu bit-tajjeb u s-sabiħ fihom infushom u f’ħaddieħor.

Staqsi lilek innifsek: "X'jgħinni u jimmotivani l-akbar — il-kritika jew l-inkorraġġiment?

Ejja, mela, lil uliedna nagħmlulhom kuraġġ!