Etika Medika

Ktibt dawn il-prinċipji etiċi l-ewwelnett għalija nnifsi bħala gwida għall-ħidma medika tiegħi, u jirriflettu t-twemmin evanġeliku li nħaddan. Fl-istess ħin qed nippubblikahom għall-konsiderazzjoni ta' sħabi t-tobba, hu x'inhu t-twemmin tagħhom.


It-Tabib Kristjan
  1. L-imħabba għandha tkun il-prinċipju u l-motiv ewlieni għat-tabib Nisrani fil-ħidma b’risq il-pazjent u l-familja tiegħu.
  2. It-tabib Nisrani għandu jaħdem b’inteġrità u b’sens ta’ kontabilità lejn Alla, u għalhekk b’ebda mod m’għandu jieħu vantaġġ mill-fiduċja li l-pazjent juri fih.
  3. It-tabib Nisrani għandu jittratta lil kulħadd b'ekwità għax iħares lejn kull bniedem, hu min hu, maħluq fuq xbieha t’Alla. M’għandux ikun preġudikat minħabba l-istil ta’ ħajja, livell soċjali jew edukattiv, sess, reliġjon jew razza tal-pazjent.
  4. It-tabib Nisrani għandu jirrispetta u jħares il-ħajja umana mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha. Għandu jfittex li ma jagħmel ebda ħsara, jgħin fil-fejqan u jtaffi t-tbatija u sintomi oħra.
  5. It-tabib Nisrani jifhem li mingħandu l-pazjent ma jridx biss dijanjosi u riċetta għall-mediċina, imma jixtieq ukoll li jisimgħu b’attenzjoni u sabar, jurih simpatija u jagħmillu kuraġġ. Iridu wkoll li jkellmu ċar, b’lingwaġġ li jiftiehem u bil-ħlewwa.
  6. It-tabib Nisrani għandu jħares id-dinjità tal-pazjent speċjalment waqt l-eżami fiżiku. L-informazzjoni li jiġbor mingħand il-pazjent għandha tinżamm konfidenzjali.
  7. It-tabib Nisrani għandu jkun onest mal-pazjent billi jgħidlu l-verità anke meta ma tkunx sabiħa. Din l-informazzjoni għandha tingħata b’mod sensittiv, fil-ħin adatt, f’post privat, u fil-preżenza ta’ qraba oħra jekk ikun jixtieq.
  8. It-tabib Nisrani m’għandux jordna testijiet, jikteb mediċina jew jagħmel proċeduri fuq il-pazjent jekk ma jkunux verament neċessarja. Għandu wkoll iqis sew il-benefiċċju u r-riskju għall-pazjent ta’ kull trattament li jagħtih, u ma jneffqux flus żejda jew bla bżonn.
  9. It-tabib Nisrani għandu jżomm ruħu informat u aġġornat fuq il-qasam tiegħu, u jfittex itejjeb il-ħiliet tiegħu.
  10. It-tabib Nisrani b’umiltà jagħraf il-limiti u l-fallibbilità tiegħu, u għalhekk jikkonsulta ma’ kollegi u kitbiet xjentifiċi, jirreferi għand speċjalisti fejn ikun hemm bżonn, u jirrikonoxxi d-dritt tal-pazjent li jfittex opinjoni oħra. Kapaċi jammetti żball u għandu jerfa’ r-responsabbiltà tal-iżbalji tiegħu.
  11. It-tabib jaqla’ l-għixien mill-ħidma professjonali tiegħu u għalhekk għandu dritt jitħallas, basta il-miżata tkun ġusta. Fl-istess waqt it-tabib jista’ jagħżel li jagħti servizz mingħajr ħlas lill-pazjent li ma jiflaħx iħallas, f’każijiet ta’ emerġenza jew b’ġest ta’ ħbiberija.
  12. It-tabib Nisrani għandu jitkellem fuq tobba oħra bl-akbar rispett anke jekk ma jkunx jaqbel ma’ xi deċiżjoni ta’ kollega tiegħu, u ċertament m’għandux jikkritika lill-oħrajn biex jidher sabiħ hu jew inaqqas il-ġieħ ta’ tobba u health workers oħra.
  13. Huwa d-dmir tat-tabib Nisrani li jieħu ħsieb saħħtu. B’hekk ukoll ikun ta’ eżempju fl-istil ta’ ħajja sana, ngħidu aħna fid-dieta u l-uża sensibbli tal-alkoħol, u ma jpejjipx. Filwaqt li għandu jkun bieżel fix-xogħol, għandu wkoll isib ħin għall-mistrieħ u rikreazzjoni. Fuq kollox għandu jieħu ħsieb il-ħajja spiritwali tiegħu.
  14. Ebda tabib ma jista' ikun on call erbgħa u għoxrin siegħa kuljum matul is-sena kollha. Għalhekk għandu jinforma lill-pazjenti tiegħu kif isibu għajnuna medika alternattiva meta jkun indispost.
  15. It-tabib Nisrani għandu jsib bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. M’għandux isir l-iskjav tax-xogħol, u għandu jipparteċipa sħiħ fil-ħajja tal-familja u jgawdi l-maħbubin tiegħu.
  16. It-tabib Nisrani huwa gwidat mill-valuri evanġeliċi imma m’għandux jimponi l-fidi tiegħu fuq il-pazjent. Fl-istess ħin huwa l-pjaċir tiegħu li jaqsam il-fidi ta’ Kristu ma’ kull min jistaqsih. Ma jistax jagħti parir jew kura kontra l-kuxjenza tiegħu jew l-etika evanġelika.
  17. It-tabib Nisrani għandu jitlob ‘l Alla għall-pazjenti u qrabathom, u għalih innisfu, għall-għerf, il-kompassjoni u l-qawwa, biex jagħtihom l-aħjar servizz.
  18. It-tabib Nisrani jiddedika lilu nnifsu u ħidmietu għall-glorja t’Alla.