Etika Medika
Ktibt dawn il-prinċipji etiċi, l-ewwel nett għalija nnifsi bħala gwida għall-ħidma medika tiegħi, u jirriflettu t-twemmin evanġeliku li nħaddan. Fl-istess ħin qed nippubblikahom għall-konsiderazzjoni ta’ sħabi t-tobba, hu x'inhu t-twemmin tagħhom, għax nemmen li l-valuri evanġeliċi joffru pedament sod għall-prattika medika u jwieġbu għall-aspirazzjonijiet l-aktar profondi tal-kuxjenza umana.

It-Tabib Kristjan
- L-imħabba għandha tkun il-prinċipju u l-motiv ewlieni fil-ħidma tiegħi b’risq il-pazjent u l-familja tiegħu.
- Kulma nagħmel, nagħmlu minn qalbi, bħallikieku lill-Mulej. Naħdem b’inteġrità u b’sens ta’ kontabbiltà lejn Alla, u għalhekk b’ebda mod ma nieħu vantaġġ mill-fiduċja li l-pazjent juri fija.
- Nittratta lil kull pazjent b’ekwità u imparzjalità għax fih nara x-xbieha t’Alla. Ma niddiskriminax favurih jew kontrih minħabba l-livell soċjali jew edukattiv, l-età, is-sess, ir-reliġjon, l-etniċità, il-lingwa, il-qagħda ekonomika, diżabilità, jew kwalunkwe ħaġa oħra. Ma nagħtix parir jew kura kontra l-kuxjenza tiegħi, filwaqt li nirrispetta l-jedd tal-pazjent li jfittex għajnuna mingħand ħaddieħor.
- Nirrispetta u nħares il-ħajja umana mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha. Infittex li ma nagħmel ebda ħsara lill-pazjent, ngħinu fil-fejqan, u ntaffilu kull tbatija. F’każ ta' mard terminali, m’inix obbligat inkompli bi trattament ineffettiv jew sproporzjonat, imma noffri kura paljattiva xierqa biex intaffi t-tbatija u nħares id-dinjità tiegħu sal-aħħar.
- Inħares id-dinjità tal-pazjent, speċjalment waqt l-eżami fiżiku. Nifhem li l-pazjent ma jistenniex minni biss dijanjosi u riċetta għall-mediċina, imma jixtieq ukoll li nisimgħu b’attenzjoni, nurih simpatija u nagħmillu kuraġġ. Jistenna wkoll li nkellmu b’mod ċar, b’lingwaġġ li jiftiehem, u bil-ħlewwa. Inkun onest mal-pazjent billi ngħidlu l-verità anke meta ma tkunx sabiħa. Nagħti din l-informazzjoni b’mod sensittiv, fil-ħin adatt, f’post privat, u fil-preżenza ta’ qraba oħra jekk ikun jixtieq.
- Inżomm l-informazzjoni tal-pazjent konfidenzjali, ħlief fejn ikun hemm obbligu morali jew legali li nipproteġi lill-pazjent jew lil persuni oħra minn ħsara serja.
- Nirrispetta d-dritt tal-ġenituri li jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-kura ta’ wliedhom u li jagħtu jew jirrifjutaw il-kunsens tagħhom. Nagħtihom l-informazzjoni meħtieġa b’mod ċar u sħiħ, filwaqt li nagħti widen ukoll lit-tfal skont l-età u l-maturità tagħhom, dejjem fl-aħjar interess tagħhom.
- Nordna biss it-testijiet, nagħmel il-proċeduri u nikteb il-mediċini li nqis verament meħtieġa. Niżen il-benefiċċji u r-riskji ta’ kull trattament, u nevita spejjeż bla bżonn għall-pazjent.
- Inżomm ruħi informat u aġġornat fil-qasam tiegħi, u nfittex li ntejjeb kontinwament l-għarfien u l-ħiliet tiegħi. Infittex li nipprattika mediċina bbażata fuq l-aqwa evidenza xjentifika disponibbli. Nevita li nirrakkomanda jew nuża trattamenti li mhumiex msejsa fuq evidenza serja u affidabbli.
- B’umiltà nagħraf il-limiti u l-fallibbiltà tiegħi. Għalhekk nikkonsulta ma’ kollegi u nagħmel referenza għal-letteratura xjentifika. Nirreferi lill-pazjent għand speċjalisti fejn ikun hemm bżonn. Nirrikonoxxi d-dritt tal-pazjent li jfittex opinjoni oħra. Nammetti u nerfa’ r-responsabbiltà għall-iżbalji tiegħi.
- Naħdem fi spirtu ta’ kollaborazzjoni ma’ professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa, u napprezza l-kontribut tagħhom għall-ġid tal-pazjent. Nitkellem fuq kollegi b’rispett, anke meta ma naqbilx magħhom, u ma nikkritikahomx biex nidher aħjar jew innaqqas mill-ġieħ tagħhom.
- Naqla’ l-għajxien mill-ħidma professjonali tiegħi u għalhekk għandi dritt nitħallas, basta l-miżata tkun ġusta. Fl-istess ħin, nista’ nagħżel li nagħti servizz mingħajr ħlas lill-pazjent li ma jiflaħx iħallas, f’emerġenza, jew bħala ġest ta’ ħbiberija. Ninforma lill-pazjenti tiegħi fejn isibu għajnuna medika meta nkun indispost.
- Nagħraf ukoll ir-responsabbiltà tiegħi lejn is-soċjetà. Sa fejn nista’, nippromwovi s-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard, u l-użu għaqli tar-riżorsi mediċi, filwaqt li niddefendi b’mod partikolari lil dawk li m’għandhomx leħen jew influwenza.
- Nieħu ħsieb saħħti u nfittex bilanċ bejn ix-xogħol, il-mistrieħ, il-familja u l-ħajja personali. Ma nsirx ilsir tax-xogħol, imma niddedika ħin lill-maħbubin tiegħi u, fuq kollox, nieħu ħsieb il-ħajja spiritwali tiegħi.
- Nitlob lil Alla għall-pazjenti u qrabathom, u għalija nnifsi, biex jagħtini l-għerf, il-kompassjoni, il-paċenzja, u l-qawwa ħalli nagħtihom l-aħjar servizz.
- Niddedika lili nnifsi u l-ħidma tiegħi għall-glorja t’Alla.