Bronchiolitis

Il-bronchiolitis hi infezzjoni fil-pulmun fit-trabi kkawżata minn viruses differenti, l-aktar komuni fosthom huwa l-RSV (respiratory syncytial virus). Tissejjaħ hekk għax taffettwa l-passaġġi tal-arja l-aktar irqaq (bronchioles). Hi l-aktar komuni fix-xhur tax-xitwa.

L-ewwel sintomi jkunu bħal riħ komuni (flissjoni u sogħla). Fil-ġranet ta’ wara jkun hemm sintomi oħra: ftit deni, sogħla persistenti u rimettar, u nifs mgħaġġel u batut. It-tarbija ma tkunx tista’ tixrob bħas-soltu.

Ħafna minn dawn it-trabi jgħaddilhom mingħajr ebda kura fuq perjodu ta’ ġimgħa jew tnejn. Xi trabi jkunu aktar batuti u jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar.

Meta tkellem tabib:
  • It-tarbija qed tbati biex tieħu n-nifs jew in-nifs mgħaġġel.
  • It-tarbija tixrob anqas minn nofs il-ħalib li ssoltu tixrob jew ma tgħaddix pipi għal 8 sigħat. 
  • Deni għoli jew deni persistenti.
  • It-tarbija tidher mdejjqa jew mħeddla. 
  • Tħossok inkwetata aktar fuq it-tarbija jew taħseb li sejra għall-agħar (anke jekk qabel kien ra tabib). 
Ċempel ambulanza (112):
  • It-tarbija qed tiġġieled biex tieħu n-nifs, issir pallida u tixxarrab bil-għaraq. 
  • Ix-xofftejn u l-ilsien jidhru blù.
  • It-tarbija tieqaf tieħu n-nifs fit-tul. 
Kura

Il-mediċini ftit li xejn jgħinu. Il-ġisem ifejjaq lilu nnifsu fuq perjodu ta’ ġimgħa jew tnejn. Ħafna drabi t-tarbija tiġi kkurata d-dar. Ara li tixrob biżżejjed biex ma tixxottax mill-ilma. Jekk tkun tidher mdejjqa jew ikollha d-deni, tista’ tagħti paracetamol. Naddaf l-mniffsejn bi ftit saline sprey.

Dawk li jkun aktar morda jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar għall-ossiġenu u monitoring. Trabi prematuri, speċjalment fl-ewwel xhur tal-ħajja, u trabi li għandhom problemi fil-qalb jew il-pulmun, għandhom aktar riskju li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar.

Prevenzjoni

Il-virus jinxtered mas-sogħla u l-għatis, u jittieħed mill-arja u oġġetti kkontaminati bil-virus. Huwa diffiċli li tipprevjeni din l-infezzjoni. L-iġjene tgħin (ħasil tal-idejn, użu ta' alcohol hand-rub u tindif ta’ fejn ikunu t-tfal). Tħallix nies morda, imqar bi ftit flissjoni jersqu lejn it-tarbija; evita li tieħu t-tarbija fejn ikun hemm ħafna nies u tfal; u tħallix nies jpejpu fid-dar.

Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.