L-influwenza fit-tfal



Sintomi

Is-sintomi tal-influwenza jinkludu:
  • Deni għoli u li jitla' f'salt, u tkexkix ta’ bard.
  • Uġigħ ta’ ras u uġigħ fil-ġisem.
  • Telqa u ħedla kbira.
  • Sogħla xotta u uġigħ fil-griżmejn.
  • Nuqqas ta’ aptit, dardir, rimettar u uġigħ ta’ żaqq.
It-tfal morda bl-influwenza jħossuhom l-agħar fl-ewwel jumejn jew tlieta. 

Tixrid

Il-marda hi l-aktar komuni fix-xitwa. L-influwenza tinxtered faċilment, l-aktar meta t-tfal ikunu flimkien f’post magħluq (bħal fil-klassi tal-iskola jew party). Tinxtered permezz ta’ qtajriet fl-arja mis-sogħla jew għatis, u b’kuntatt dirett mal-bżieq mill-idejn jew oġġetti kontaminati. It-tfal jxerrdu l-virus minn ġurnata qabel jimirdu sa ġimgha wara.

Prevenzjoni

L-aktar mod effettiv biex tipreveni l-influwenza huwa permezz tat-tilqima li tingħata kull sena minn Ottubru sa Diċembru. Il-ħasil tal-idejn (bl-ilma u s-sapun jew bl-alcohol) inaqqas it-tixrid tal-mard. Evita li trabi fl-ewwel xhur tal-ħajja jkollhom kuntatt ma’ tfal u nies oħra morda.

Komplikazzjonijiet

L-influwenza tista’ twassal għall-infezzjoni fil-widna, fis-sinus u fil-pulmun (pneumonia). Tfal żgħar taħt sena huma f’riskju akbar li jiddaħħlu l-isptar minħabba dawn il-komplikazzjonijiet.

Kura
  • Ħalli t-tfal jistrieħu d-dar, fis-sodda jekk ikun hemm bżonn.
  • Agħtihom jixorbu (ilma, meraq, ħalib, brodu, jogurt, jelly, eċċ) biex ma jixxottawx.
  • Agħtihom paracetamol jew ibuprofen jekk ikunu mdejjqin bid-deni jew uġigħ.
  • Naddaf l-imnifsejn (bi sprej tal-ilma bil-melħ) u b'pompa. Tista’ tuża sprej decongestant fit-tfal akbar. Il-misturi tas-sogħla jew misħun bl-għasel u lumi, jistgħu jgħinu xi ftit ukoll.
L-influwenza hi kkawżata minn virus (influenza virus A jew B) u għalhekk m'hemmx bżonn antibijotiku.

Konsulta mat-Tabib

Kellem lit-tabib jekk it-tfal juru s-sintomi tal-influwenza, u speċjalment jekk ikunu għadhom żgħar jew għandhom xi kundizzjoni kronika (bħall-ażma, problemi fil-qalb jew dijabete). Erġa’ kellem it-tabib jekk id-deni jippersisti aktar minn 3 ijiem, jew jiżdiedu s-sintomi bħall-uġigħ fil-widnejn u qtugħ ta’ nifs, jew jekk tara li l-kundizzjoni sejra għall-agħar.

Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.