Kemm issaħħan it-tarbija

Sfortunatament ħafna ġenituri Maltin isaħħnu lit-tarbija wisq aktar milli hemm bżonn, b’saffi fuq saffi ta’ ħwejjeġ, kutri, skufja u mittins. Il-povra tarbija tkun tagħli u mxarrba bl-għaraq. Saħansitra l-kamra li jraqqduha fiha jżommuha magħluqa biex “ma tmurx tieħu xi riħ”. Tħossok se tifga f’dak l-għeluq! Anki jekk joħorġuha barra fil-pram, jżidu saff ieħor ta’ ħwejjeġ u jagħlqu l-pram bil-plastik biex żgur tiġi f’serra ta’ sħana u soffokazzjoni.
Meta tkun għadha kemm twieldet, il-midwife tixxotta lit-tarbija, tlibbisha ħwejjeġ komdi u skufja f’rasha, u tingħata f’dirgħajn ommha biex ma tiksaħx.
Minn hemm ’il quddiem irridu noqogħdu attenti li t-tarbija ma tisħonx iżżejjed.
- Mhux minnu li t-tarbija għandha tissaħħan “minħabba l-gass”. Din hi ħrafa. Jekk it-tarbija qed tbati mill-colic, m’għandhiex bżonn id-dwejjaq ta’ sħana żejda! (Xi trabi bil-colic jikkalmaw jekk tfisqihom sewwa, imma l-iskop mhux li jissaħħnu.)
- It-tarbija tħossha skomda jekk tkun sħuna wisq. Jista’ joħroġilha raxx fil-ġilda (heat rash).
- Ġieli jiġu ġenituri fil-klinika lebsin ħafif waqt li t-tarbija tkun liebsa tliet saffi fuq xulxin. Meta aħna l-kbar nibdew inħossuna skomdi, inneħħu l-ħwejjeġ żejda minn fuqna; it-tarbija tiddependi għal kollox fuqna biex inżidu jew innaqqsu l-ilbies skont il-bżonn.
- Meta t-tarbija tkun mlibbsa wisq, it-truf tal-idejn u s-saqajn jinħassu sħan daqs il-bqija tal-ġisem (suppost ikunu ftit friski). Barra minn hekk, it-tarbija tibda tegħreq f’tentattiv biex tnaqqas it-temperatura tal-ġisem. Dan iwassal għal telf ta’ ilma u melħ mill-ġisem.
- Aktar minn kollox, is-sħana żejda żżid ir-riskju ta’ cot death, il-mewt għall-għarrieda tat-tarbija fl-irqad. Għalhekk huwa assolutament neċessarju li l-ġenituri jieħdu kull prekawzjoni biex it-tarbija ma tisħonx iżżejjed.
Pariri Prattiċi
- It-tarbija għandha titlibbes biżżejjed biex tħossha komda fl-ambjent li tkun fih. Meta mqabbla mal-kbar, it-trabi u t-tfal żgħar għandhom bżonn l-istess ammont ta’ ħwejjeġ bħalna. Jekk aħna komdi lebsin saff wieħed, it-tarbija tkun komda b’saff wieħed ukoll. (Fl-ewwel ġimgħa jew tnejn, it-tarbija tista’ jkollha bżonn saff aktar ta’ ħwejjeġ mill-adulti.)
- Il-kamra għandha tinżamm f’temperatura komda. Jekk ikun hemm bżonn, uża air conditioner jew fan, imma l-kurrent tal-arja m’għandux ikun dirett fuq it-tarbija.
- Ara li jkun hemm ventilazzjoni tajba fil-kamra biex tinbidel l-arja, eż. tieqa mbexxqa.
- Il-ġenituri għandhom jiċċekkjaw jekk it-tarbija hix sħuna żżejjed billi jaraw li r-ras mhix imxarrba bl-għaraq, u li t-truf tal-idejn ikunu ftit friski. L-għaraq u t-truf tal-idejn sħan ifissru li t-tarbija msaħħna wisq.
- Jekk taħseb li t-tarbija għandha d-deni, iċċekkja t-temperatura taħt l-abtha (fl-armpit) b’termometru diġitali. Temperatura ta’ 37.5°C jew 99.5°F jew aktar tfisser deni. Ħu t-tarbija bid-deni l-isptar fl-ewwel tliet xhur tal-ħajja; ħudha għand it-tabib jekk tkun akbar minn 3 xhur, anke jekk ma tkunx tidher marida.
- It-tarbija m’għandhiex tkun imgeżwra b’ħafna kutri u gvieret. Il-wiċċ u r-ras għandhom dejjem jinżammu mikxufin. Il-mittens għandhom jintużaw biss fl-ewwel ġimgħa jew tnejn wara t-twelid.
- M’għandhomx jintużaw kutri ħoxnin u quilts fl-ewwel sena. L-aħjar titlibbes ħwejjeġ apposta għall-irqad u tgħatti lit-tarbija bi gverta ħafifa li tasal sa nofs sidirha.