Il-ħadid fid-dieta tat-tfal


Il-ħadid huwa meħtieġ biex il-ġisem jifforma ċ-ċelloli ħomor tad-demm. Nuqqas ta’ ħadid fid-dieta jwassal għal anemija. Il-ħadid huwa wkoll meħtieġ għall-funzjoni u l-iżvilupp tal-moħħ.

Dawn huma sorsi tajba ta’ ħadid fl-ikel:
  • Laħam (ċanga, vitella, tiġieġ, majjal, ħaruf, fwied, eċċ).
  • Il-bajd.
  • Ħut żejtni (bħas-salamun).
  • Ħaxix (brokkoli u spinaċi).
  • Pulses (baked beans, favetta).
  • Frott niexef (apricots, sultana, pruna).
  • Ċereali tal-breakfast.

Il-vitamina Ċ (fil-larinġ, patata u tadam) tgħin biex il-ħadid jiġi assorbit aħjar fil-ġisem.

Id-dieta tat-tfal għandha tinkludi laħam, bajd u ħut bħala sors ewlieni ta' ħadid. It-tfal żgħar isibuha diffiċli jieklu l-laħam. Sajjar il-laħam tajjeb (eż. stuffat) biex jirtab, u qattgħu biċċiet żgħar ħafna (xi ½ ċentimetru). Tista’ tagħtihom ukoll meatballs, pulpetti, burgers u zalza ħamra bl-ikkapuljat.

Il-ħalib tal-formula għat-toddlers fih il-ħadid miżjud miegħu. Tfal żgħar li jieklu biss nuggets, chips u pasta (jew xi ħaġa hekk), għandhom jingħataw tazza ħalib tat-toddlers kuljum. Altrimenti t-toddlers li jieklu varjetà wiesa' ta’ ikel għandhom jingħataw jixorbu ħalib pasturiżżat.

Tagħtix mistura li fija l-ħadid mingħajr il-parir tat-tabib. Ħadid żejjed jista’ jagħmel il-ħsara.

Kellem lit-tabib jekk taħseb li t-tifel tiegħek mhux jieħu biżżejjed ħadid fid-dieta, jew jekk tarah pallidu u dgħajjef. Jekk ikun hemm xi sinjali ta’ anemija, it-tabib jista’ jordnalek test tad-demm, u jekk jikkorferma li hemm anemija jew nuqqas ta’ ħadid fid-demm, jiktiblek mistura tal-ħadid għax ftit xhur.

Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.