Id-dmugħ tal-fidi

Għaliex il-mard, l-uġigħ u l-mewt?
Ladarba tista’ kollox,
tant int ħanin u twajjeb,
għaliex, Mulej, tibqa’ ma tfejjaqx?
Forsi ma tismax il-karba tal-marid,
jew ma tarax id-dmugħ fuq ħaddejh?
Ħallieq is-sema u l-art,
lilna sawwartna fi xbieha tiegħek,stedintna ngawdu xirka miegħek,
'ma wissejtna bis-sħiħ li d-dnub iġib il-mewt.
Ah, x'ħasra: l-ewwel ġenituri tagħna
m'emmnukx u m'obdewkx;
l-istess aħna, bi dnubietna,
inkomplu nirribellaw kontra min għamilna.
Mhux għalhekk illum madwarna
minflok il-ġnien sabiħ tal-bidu,
naraw għollieq, nixfa u taħsir?
Fadal ħjiel mis-sbuħija tal-Għeden
biex ifakkarna fit-tjieba ħelwa tiegħek.
Imma issa l-ferħ imħallat bin-niket,
mas-saħħa, il-mard,
mal-ħajja, il-mewt —
biex ma ninsew qatt
kemm hu ikraħ id-dnub f’għajnejk
u kemm hu morr il-frott tiegħu.
Kont wissejtna fil-bidu,
u terġa’ twissina llum:
Jekk nibqgħu bla ndiema,
hemm tbatija agħar,
l-infern, in-nar li ma jintefiex.
Għallimni, Mulej, il-biża’ tiegħek
biex nistkerraħ dak li tobgħod int —
id-dnub li ġab tant qerda.
Agħtini qalb niedma,
biex nagħti dahri għall-ħażen,
u nimxi fil-mogħdija d-dejqa
li twassal għall-ħajja.
Meta żżurni bil-mard, Mulej,
jien nibqa' nafda fik
għax int fil-kontroll perfett ta’ kollox —
għasfur tal-bejt ma jaqax fl-art
mingħajr ir-rieda tiegħek.
Nifsi f’idejk, Mulej,
jekk trid tista’ tfejjaqni,
jekk le, ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek.
Inti ma ġġarrabnix għalxejn,
imma taħtar it-tbatija biex tilħaq għan sewwa,
għall-ġid tiegħi u l-glorja tiegħek.
U jekk ma nifhem xejn
u bid-dmugħ ma narax ċar,
għallimni nibqa’ sieket
biex ma nlissinx kelma waħda
ta’ protesta jew dubju fik.
Jien inbus l-id moħbija tiegħek
u nqim minn qalbi 'l Alla l-Imbierek.
Ressaqni fid-dell tas-salib
biex il-Kalvarju jkun l-iskola tiegħi,
għax int ukoll xrobt il-kalċi morr
u ġarrabt bħalna t-tbatija u l-mewt.
X'ġiegħlek, Sultan Imbierek,
biex tinżel hawn fostna,
u ħallejtna nxiddulek kurana xewkija
u ndendluk ma' għudu misħuta?
Ma kienx jistħoqqlok, Mulej,
int ġust, ma kellek ebda ħtija —
o, x'għaġeb; o x'meravilja! —
int tgħabbejt bil-mard u d-dnubiet tiegħi,
u ħadt il-kastig li kien jixraq lili!
Salibek, Mulej, sar il-fejqan tiegħi.
Meta tgħaddini mill-wied ta’ dell il-mewt,
żgur ma tinsiex il-wegħda tiegħek,
żgur ma tħallinix waħdi fid-dalma tal-lejl.
Ibqa’ miegħi, Mulej, għax inti biss
l-għajnuna u l-faraġ tiegħi.
Għalhekk inħares ’il quddiem bit-tama;
le, il-qabar mhux l-aħħar waqfa
ta’ din il-mixja qasira.
Bħalma rbaħt fuq il-mewt u qomt rebbieħ,
b’ħiltek, Mulej, jien ukoll għad ngħix mill-ġdid
meta bil-kelma qawwija tiegħek
issejjaħli għall-qawmien tal-ħajja,
tlibbisni ġisem li ma jitħassarx,
tfejjaqni minn kull marda,
u timsaħ kull demgħa minn għajnejja.
Dakinhar ma nistaqsikx aktar
b'karba ta' lsien newwieħi.
Maż-żerniq tad-dawl dejjiemi
Jibqa' biss il-ġieħ ferrieħi.