Kif ngħinu lit-tfal jieqfu jigdmu?

It-tfal żgħar kultant jigdmu lil xulxin fin-nursery, u anke lill-adulti meta jkunu d-dar. Din il-fażi normalment tgħaddi sal-età ta’ 3 jew 4 snin, hekk kif it-tfal jitgħallmu jikkomunikaw aħjar u jikkontrollaw aktar l-emozzjonijiet tagħhom.
L-istess nistgħu ngħidu għal imġiba goffa, bħal meta jagħtu bl-idejn fil-wiċċ.
Għaliex it-tfal żgħar jigdmu?
It-tfal żgħar jistgħu jigdmu għal diversi raġunijiet:
- ikunu frustrati, irrabjati jew eċċitati;
- ikunu għajjenin jew bil-ġuħ;
- ikunu jridu jiddefendu ġugarell jew jeħduh mingħand tifel ieħor;
- ikunu qed itellgħu s-snien u jħossu skumdità fil-ħanek;
- ikunu għadhom ma jafux jesprimu bil-kliem dak li jridu jew dak li qed iħossu.
- Irrispondi minnufih. Tgħajjatx u tirrabjax. Ibqa’ kalm, b’wiċċ serju, u leħen baxx.
- Inżel għal-livell tiegħu, żommu b’idejk it-tnejn, u ħares dritt f’għajnejh.
- Għidlu b’ton serju, “Aħna ma nigdmux.” Daqshekk — evita spjegazzjonijiet fit-tul.
- Waqqfu mill-attività li jkun qed jagħmel u ħudu f'post ieħor. B’hekk jitgħallem li l-gdim iġib konsegwenza immedjata.
- Meta jkun ikkalma, ħallih jerġa’ jingħaqad mat-tfal l-oħra.
Kif ngħinu lit-tfal jieqfu jigdmu?
- Osserva x’qed iwassal għall-gdim, u fejn ikun possibbli, intervjeni biex tevitah. Ngħidu aħna, jekk ikunu bil-ġuħ, agħtihom xi snack bnina; jekk żewġt itfal qed jiġġieldu, ifridhom jew għinhom isolvu l-problema.
- Għallimhom jesprimu ruħhom bil-kliem, pereżempju billi jużaw kliem sempliċi bħal “le”, “tini” u “ieqaf”.
- Faħħar lit-tfal meta jilagħbu b’mod ġentili, jixxerjaw ma’ xulxin, jużaw il-kliem minflok jimbottaw jew jigdmu, u jirnexxilhom jikkontrollaw ir-rabja tagħhom.
- Żomm rutina regolari għall-ikel u l-irqad, biex tevita l-ġuħ u l-għeja żejda.
- It-tfal għandhom ikunu taħt is-superviżjoni ta’ adult waqt il-logħob bejniethom.
Kif tieħu ħsieb lil min ingidem?
- Agħti attenzjoni immedjata lit-tifel jew lit-tifla li jkunu ngidmu. Ikkonfortah/a.
- Aħsel sewwa l-gidma bl-ilma u s-sapun. Jekk il-ferita tkun qed tnixxi d-demm, agħfas fuqha b’garża nadifa sakemm jieqaf.
- Jekk tkun inqasmet il-ġilda, ħu parir mingħand tabib. It-tabib jiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn antibijotiku.
- Fil-ġranet ta’ wara, oqgħod attent għal sinjali ta’ infezzjoni: tiżdied in-nefħa, il-ħmura jew l-uġigħ. Jekk jiġri hekk, erġa’ kellem lit-tabib.
- Jekk il-gidma saret fin-nursery, il-carers għandhom jinformaw lill-ġenituri taż-żewġt itfal involuti.
- Huwa importanti li l-ġenituri jitkellmu mal-għalliema bil-kalma u b’attitudni ta’ koperazzjoni. Ir-rabja u l-argumenti ma jsolvux il-problema.
- Normalment, b’rieda tajba u b’ħidma konsistenti flimkien, il-problema tissolva.
Fil-biċċa l-kbira tat-tfal, il-gdim jonqos u jieqaf hekk kif jikbru u jitgħallmu jesprimu ruħhom aħjar. Madankollu, jekk it-tifel jibqa’ jigdem ta’ spiss, speċjalment jekk ikollu diffikultajiet oħra fl-imġiba, fil-komunikazzjoni jew fl-iżvilupp tiegħu, ikun tajjeb li l-ġenituri jitolbu parir professjonali.