Ikel għat-Tarbija


Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma ibbażati fuq il-gwidi mill-European Society for Paediatric Gastroenterology Hepatology and Nutrition (ESPGHAN), NHS (UK) u AAP (American Academy of Pediatrics).

Niżżel kopja tal-informazzjoni dwar l-ikel għat-tarbija f'format pdf.

IKEL GĦAT-TARBIJA

L-introduzzjoni tal-ikel hu pass importanti fl-iżvilupp tat-tarbija. Din l-informazzjoni hi maħsuba għalikom il-ġenituri biex tgħinkom tagħmlu l-aħjar għażliet għat-tarbija tagħkom.

Meta Tibda l-Ewwel Ikel

Il-ħalib tal-omm jew il-ħalib tat-trab jipprovdu n-nutrimenti kollha meħtieġa għall-ewwel xhur tal-ħajja. Jekk it-tarbija tibda ddaħħal il-ponn f’ħalqha jew tibda tqum aktar spiss bil-lejl biex tixrob, dan ma jfissirx li tkun lesta biex tibda l-ikel.

Huwa importanti li l-ikel ma jinbediex qabel erba’ xhur għax it-tarbija ma tkunx għadha lesta biex tibla’ u tiddiġerixxi l-ikel. Barra minn hekk hemm riskju akbar ta’ allerġija u ta’ ħxuna aktar ’l quddiem.

Tista’ tibda tintroduċi l-ikel meta t-tarbija jkollha bejn erba’ u sitt xhur. F’dan iż-żmien it-tarbija tkun kapaċi żżomm rasha wieqfa u tibda turi interess fl-ikel.

L-Ewwel Ikel

Ibda bil-ħaxix magħsur (eż. patata, karrotta u qarabagħli magħsurin flimkien). Il-puré għandu jkun immerraq u magħsur fin. Tista’ tuża l-ħaxix mill-borma tal-familja peress li dan ikollu palat aħjar mill-ħaxix mgħolli jew steamed waħdu. Tista’ żżid ftit ħalib, ġobon artab jew żejt taż-żebbuġa mal-ħaxix.

Ibda b’ikla waħda ta’ ħaxix għal ħabta ta’ nofsinhar. Sib ħin meta t-tarbija ma tkunx għajjiena jew bil-ġuħ ħafna. It-tarbija tkun trid tixrob ftit ħalib qabel jew wara l-ikla. Għall-bidu tistennihiex tiekol wisq. Bil-paċenzja t-tarbija titgħallem tieħu u tibla’ l-ikel.

Meta t-tarbija tidra sewwa tiekol il-ħaxix, żid ikla oħra filgħodu bħala kolazzjon jew wara nofsinhar. Tista’ tagħżel tuffieħa jew lanġasa (mgħollija u magħsura); banana jew mango (nejja, mgħaffġa b’furketta), u frott ieħor. Kultant tista’ tagħti wkoll ċereali bħal oats.

Ammont ta’ Ikel

Ħalli lit-tarbija tiggwidak hi fl-ammont li tkun trid tiekol. X’ħin taraha li xebgħet, ieqaf. Huwa importanti ħafna li ma tisforzahiex tiekol bilfors jekk turik li ma tridx aktar (it-tarbija żżomm ħalqha magħluq jew iddawwar wiċċa lejn il-ġenb). Il-ħin tal-ikel għandu jkun dejjem pjaċevoli. Evita kull tensjoni għax altrimenti tkun tistieden problemi aktar ’l quddiem.

L-aptit ivarja minn żmien għal żmien. It-tarbija taf tnaqqas mill-ikel meta tkun marida jew qed itella’ s-snien. F’dan il-perjodu taf tippreferi tixrob l-ħalib aktar milli tiekol.

Minn 6 sa 8 Xhur

Minn madwar sitt xhur sakemm tagħlaq sena t-tarbija tkun lesta dduq kwalunkwe ikel, u għalhekk għandek tieħu l-opportunità biex tgħallem lit-tarbija tiekol varjetà kbira ta’ ikel.

Ibda’ varjetà wiesa’ ta’ ikel differenti:
  • Ttiġieġ, vitella, fenek, laħam tal-brodu u ħut.
  • Ċereali tal-breakfast, pasta magħmula mill-qamħ, ross u ċereali oħra.
  • Ħxejjex u pulses (għazz, ċiċri, fażola u piżelli)
  • Frott differenti.
  • Jogurt full-fat abjad, rikotta u ġobon.
Il-puré għandu jkun aktar magħqud biex it-tarbija tidra’ tomgħod.

Offri ftit ilma f’beaker wara kull ikla.

Minn 8 at 12–il Xahar

Żid ikla oħra filgħaxija, u jekk tħoss il-bżonn xi snack (bħal frotta jew jogurt) bejn l-ikliet ewlenin.

Ibda’ għaffeġ il-ħaxix b’furketta minflok tagħsru bi blender jew qattgħu biċċiet żgħar. It-trabi kapaċi jomgħodu l-ikel fuq il-ħanek avolja ma jkunux għadhom tellgħu s-snien.

Ibda l-ikel fl-idejn (finger-foods) bħal biċċa ħobż mixwija, biċċa ġobon, banana, mqarrun jew biċċa patata.

Filgħodu tista’ tagħti ċereali wholegrain u oats porridge.

Introduċi ikel differenti, b’togħmiet u textures varjati -- dan huwa ż-żmien perfett biex it-tarbija tidra’ tiekol minn kollox. Tista’ tibda l-bajda msajjra sewwa - iebsa, froġa jew imsajjra mal-ikel. It-tarbija tista’ tiekol mill-ikel kollu tal-familja (bi ftit eċċezzjonijiet, ara hawn taħt).

Waqt il-ħin tal-ikel tal-familja, it-tarbija għandha tkun mal-mejda fil-high-chair biex tara u titgħallem. Agħtiha kuċċarina u ħalliha tmiss l-ikel b’idejha. Tassew li tiċċappas hi u madwarha, imma t-tarbija b’hekk titgħallem titma’ lilha nnifisha u tiggosta l-ikel.

Ħalib u Xorb Ieħor

Minbarra l-ħalib, l-aħjar xarba huwa l-ilma frisk. Offri lit-tarbija ftit ilma wara kull ikla u f'ħinijiet oħra tal-ġurnata. Uża ilma minerali (m'hemmx għalfejn ikun mgħolli). Wara t-tminn xahar ibda għallimha tixrob minn tazza tal-plastik jew beaker.

Tagħtix meraq tal-frott u xorb ħelu lit-tarbija.

It-tarbija tibda tnaqqas mill-ammont ta’ ħalib li tixrob kuljum aktar ma żżid fl-ikel. Ħafna trabi b’kollox jixorbu madwar nofs litru ħalib kuljum meta jkollhom madwar sena.

Iżżid xejn fil-flixkun mal-ħalib bħal ċereali, zokkor jew gallettina. Jekk tixtieq tagħti cracker, agħtiha f’idejn it-tarbija meta jkollha tmien xhur jew aktar. Meta jitilgħu l-ewwel snien, tħallix it-tarbija torqod bil-flixkun f’ħalqha biex tevita t-taħsir fis-snien.

Sakemm tagħlaq sena t-tarbija għandha tibqa’ tingħata tixrob biss il-ħalib tal-omm jew tal-formola. Tista' żżid il-ħalib pasturizzat mal-ikel.

Aqleb għall-ħalib frisk pasturizzat full-fat meta t-tarbija tagħlaq sena, u għall-semi-skimmed meta tagħlaq sentejn (it-tabib jista' jagħtik parir tuża ħalib b'anqas xaħam jekk ikun problema ta' piż żejjed). Tużax ħalib flavoured għax dan hu kollu zokkor. Tfal li jieklu varjetà ta’ ikel differenti m’għandhomx bżonn ħalib follow-on.

Tqassim tal-Ikel

Ara din it-tabella. (Iklikkja fuqha biex tkabbarha).

Allerġija għall-Ikel

Xi trabi jistgħu jkunu allerġiċi għal ċertu ikel. L-aktar ikel li jagħti allerġija huwa l-ħalib tal-baqra, is-sojja, il-qamħ, il-bajd, il-ħut, il-frott tal-baħar, karawett u nuts oħra. Introduċi dan l-ikel ħaġa ħaġa, u oqgħod attenta għal sinjali ta’ allerġija, bħal raxx fil-ġilda, nefħa fil-wiċċ, nefħa fil-ħalq, nifs mgħaġġel, rimettar, dijarea jew biki. Kellem lit-tabib tat-tfal jekk taħseb li xi ikel ma jaqbilx mat-tarbija.

Ikel li Għandu jkun Evitat
  • Sa erba’ snin evita lewż, nuts oħra u ikel ieħor li jista’ jxerraq lit-tfal żgħar.
  • Iżżidx melħ u evita ikel mielaħ - il-melħ żejjed mhux tajjeb għall-kliewi.
  • Tagħtix għasel qabel sena għax jista’ jikkawża marda msejjħa botulism.
  • Iżżidx zokkor mal-ikel; iz-zokkor iħaxxen u jħassar is-snien. Kif jitilgħu l-ewwel sinniet, ibda aħsilhom darbtejn kuljum bi brush ratba u naqra toothpaste tat-tfal.
L-Iġjene
  • Il-kuċċarini, l-bowls u l-beakers għandhom jinħaslu bl-ilma sħun u s-sapun, iżda m’hemmx bżonn tisterilizzhom.
  • Armi l-ikel li jibqa’ żejjed u terġax issaħħnu biex tevita xi infezzjoni fl-imsaren.
  • Sajjar il-bajd sakemm jibbies; evita ikel li fih bajd nej.
  • L-ikel misjur tat-tarbija, mqiegħed ġo containers tal-plastik magħluqin, iservi ġurnata fil-friġġ u madwar ġimgħa fil-freezer. Iddifrostja l-ikel billi tpoġġih fil-friġġ mil-lejl ta’ qabel jew billi tuża d-defrost tal-microwave. Saħħnu sakemm isir jaħraq ħafna (biex jiġi sterilizzat), u ħallih jibred qabel isservih.
Sigurtà
  • Biex tevita li jixirqu, tfal taħt l-erba’ snin m’għandhomx jingħataw lewż, żrieragħ, għeneb sħiħ, popcorn, biċċiet ta’ ħaxix nej (bħall-karrotti), chewing gum u ħelu li jwaħħal.
  • Tħallix it-tarbija weħidha waqt l-ikel biex f’każ li tixraq tkun tista’ tagħtiha l-għajnuna mill-ewwel.
  • Mill-bidu għallem lit-tfal jieklu u jixorbu bilqegħda, mhux mimdudin jew waqt il-ġiri u l-logħob.
Ikel Kummerċjali

L-ikel frisk li tipprepara d-dar huwa l-aktar bnin. Trabi li jidraw jieklu l-ikel tal-vażetti ma jkunux iridu jieklu l-ikel tad-dar. Wara kollox l-għan tiegħek għandu jkun li t-tarbija titgħallem tiekol mill-ikel tal-familja.

Vitamini u Minerali

Trabi li jkunu twieldu qabel il-35 ġimgħa tat-tqala għandhom jingħataw mistura tal-ħadid u vitamini sakemm jagħlqu sena. Trabi mredda' għandhom jingħataw il-vitamina D. Tfal oħra ġeneralment m’għandhomx bżonn mistura tal-vitamini u minerali.

Ikel Bnin għall-Familja Kollha

It-tfal jaddottaw l-istess drawwiet u għażliet tal-ikel tal-familja li jitrabbew fija. Għalhekk huwa importanti li l-ġenituri jaraw li d-dieta tagħhom tkun ibbażata fuq ħaxix, frott, ħut, wholegrains u żejt frisk, u anqas xaħmijiet, melħ u zokkor.

Ara wkoll Drawwiet tajba tal-ikel għat-tarbija (link).

RIĊETTI TAL-EWWEL IKEL

Ħaxix

Dawn huma ftit eżempji tal-ħaxix li tista’ tuża bħala l-ewwel ikel għat-tarbija.
  • Patata, karrotti u qarabagħli
  • Qara ħamra, turnips, qarabagħli u basal
  • Sweet potatoes, piżelli u karrotti
  • Qarabagħli, basla, ross basmati u karrotti
  • Patata, qara ħamra, basal u lentils
  • Avocado (nejja), weħida jew ma' biċċa banana.
  • Broccoli u patata
Sajjar il-ħaxix fi steamer jew mgħolli. Meta tisħqu bil-blender, żid ftit żejt taż-żebbuġa jew xi ġobon artab. Jekk jiġi maħlul wisq, tista’ żżid kuċċarina jew tnejn cereal tar-ross biex jgħaqqad. Meta jkollok minestra jew soppa, tella’ l-ħaxix mill-borma tal-familja (avolja tkun użajt cube tal-istokk).

M’hemmx għalfejn tibda ħaġa ħaġa (peress li ħadd m’huwa allerġiku għall-ħaxix, u barra minn hekk, l-ikel ikun itjeb jekk ikun magħmul minn ħxejjex differenti u mħalltin flimkien). Madankollu tista’ wkoll tagħti patata weħidha (bi ftit ħalib), avocado jew karrotti weħedihom.

Frott

Dawn huma ftit eżempji ta’ frott għat-tarbija. Ibda l-frott wara li t-tarbija tkun drat tiekol il-ħaxix.
  • Tuffieħa (bit-taċċi tal-qronfon jew cinnamon)
  • Tuffieħa u lanġasa
  • Tuffieħa u cranberries
  • Tuffieħa u pruna
  • Banana
  • Banana u larinġa
  • Ħawħ
  • Kaki
Għall-bidu ikun aħjar issajjar it-tuffieħ u l-lanġas (mgħolli jew steamed). Frott bħall-banana, ħawħ, ċiprisk u kaki għandu jingħata nej. Itħan il-frott bi blender. Il-banana tista’ tgħaffiġha b’furketta.

Breakfast cereals

Meta t-tarbija tkun drat tiekol il-ħaxix u l-frott, tista' tintroduci ċ ċereali (bħal oats) għall-breakfast. Agħżel cereali li jkun fihom anqas minn 10g ta' zokkor għal kull 100g tal-prodott. Ara hawn.