Tummy time

It-tarbija teħtieġ tqatta’ ħin fuq żaqqha (tummy time). Dan jgħinha fl-iżvilupp u sabiex rasha ma tiċċattjax. Meta tkun fuq żaqqha, it-tarbija tibda tgħolli geddumha, imbagħad spallejha, u aktar tard tintrefha fuq dirgħajha. Dan l-eżerċizzju jsaħħaħ il-muskoli tal-għonq, id-dahar u l-ispallejn. Jgħinha wkoll titgħallem iżomm rasha u daharha weqfin, tibda titgerbeb, tpoġġi bilqiegħda, u titkaxkar.

Ibda t-tummy time meta tieħu t-tarbija d-dar. Għall-bidu, għal ftit minuti biss, darbtjen jew tlieta kuljum; sa tliet xhur it-tarbija tkun tagħmel madwar siegħa kuljum, imqassmin f’diversi sessjonijiet.

Meta tbiddel il-ħarqa, ħu l-opportunità biex iddawwar it-tarbija fuq żaqqha għal ftit ħin fuq in-nappy changer, waqt li żżommha mill-warrani, u tinżel wiċċek ħdejn wiċċha biex tkellimha, u tagħmlilha massage f’daharha. It-tummy time għandu jkun ħin pjaċevoli; għalhekk ieqaf meta tara li t-tarbija qed tiddejjaq.

Evita l-ħin immedjatament wara li tkun xorbot jew jekk tkun għajjiena u mqanżħa.

Hemm metodi oħra kif tagħmel tummy time:
  • fuq żaqqek: imtedd lura u poġġi lit-tarbija żaqqha ’l isfel miegħek sabiex tkun tista’ tgħolli rasha u tħares lejk;
  • fuq dirgħajk: żomm lit-tarbija wiċċha ’l isfel fuq dirgħajk.
  • fuq ħoġrok: oqgħod bilqiegħda u qiegħed it-tarbija minn naħa għall-oħra fuq koxxtejk.
It-tummy time jista’ jsir mal-art fuq tapit jew baby gym meta t-tarbija jkollha ftit ġimgħat. (Is-sodda mhix tajba peress li hi ratba wisq). Xi trabi jippreferu jkollhom ftit sapport taħt sidirhom (eż. xugaman mgerbeb jew imħadda żgħira).

Tħallihiex weħidha. Inżel mal-art għall-livell tagħha. Oqgħod magħha biex tieħu ħsiebha u tilgħabu flimkien. Ħares f’għajnejha, kellimha, idħqilha, kantalha u uriha xi ġugarell jew mera. Jekk hemm aħwa akbar, ħallihom jilgħabu mat-tarbija waqt it-tummy time, dejjem taħt superviżjoni.