Ninkoraġġixxu lil uliedna
It-tfal għandhom bżonn l-inkoraġġiment u l-approvazzjoni tal-ġenituri tagħhom. Sfortunatament aħna l-ġenituri sikwit niżbaljaw, u minflok nibnuhom, naqtgħulhom qalbhom. Ktibt din lista ta' żbalji komuni li nagħmlu ma' wliedna, bl-għan li nagħrfu ninbiddlu u nwettqu aħjar ir-rwol tagħna bħala ġenituri.
Dixxiplina Stretta
Hemm ġenituri li jmexxu bl-id tal-ħadid. Jikkmandaw b’mod kapriċċjuż u selvaġġ. "Itfi t-television issa!" (Jaħasra l-istorja kien għoddha spiċċat! Mhux aħjar tgħidlu, "Sabiħ, kif tispiċċa l-istorja, itfi t-television"?). Meta l-ġenituri jkunu riġidi magħhom, it-tfal iħossu li m’humiex stmati b’mod ġust, li l-volontà tagħhom hi misħuqa. Dixxiplina bla ħniena u goffa tixbaħ ħabs, minflok iċ-ċint ta’ fuq il-bejt maħsub għall-ġid u l-ħarsien tiegħek. It-tfal għandhom iħossuhom maħbubin dejjem, speċjalment meta jkunu dixxiplinati.
Dixxiplina Laxka
Fuq l-estrem l-ieħor, xi ġenituri jitilqu r-riedni u jħalluhom jagħmlu kulma jridu. Kontroll ta' xejn. Jagħtuhom kulma jridu. Qatt ma jgħidulhom le, u meta jgħidulhom le, ma jżommux kelmithom. M’hemmx regoli, u jekk hemm xi regoli, m’humiex inforzati. It-tfal ma jafux x'inhuma l-konsegwenzi morri tad-diżubbidjenza u d-disripett għax qatt ma ħadu kastig. Tfal bħal dawn ma jitgħallmux ikunu responsabbli, u ma jikkuntentaw ruħhom b’xejn.
Protezzjoni Żejda
Sabiex jipporteġu t-tfal, xi ġenituri jmorru fl-estrem u joħonquhom. Ipoġġuhom f'bozza. Jibżgħu li wliedhom ċkejknin jitħammġu, jweġġgħu jew jimbarxu. Ma jafdawx ‘l uliedhom akbar jieħdu deċiżjoni weħidhom (li ma jieħdux xi żball!), u ma jħalluhomx imorru ħarġa ma' sħabhom jew sleepover. Dawn it-tfal ma jħossuhomx fdati u jitilfu kull sens ta’ inizzjattiva.
Favoritiżmu
Il-ġenituri jippreferu tifel jew tifla aktar minn ħuthom. Lil wieħed dejjem iffaħħruh, u lil ieħor jikkritikawh jew jinjorawh. "Kemm iddum biex tifhem! Ara oħtok kemm hi brava!!" Kliem bħal dan inissel għira u rabja.
Misjuqa
Hemm ġenituri li m’huma qatt sodisfatti bil-prestazzjoni ta' wliedhom. Jekk it-tifel ġab 75 fl-eżami, minflok ifaħħruh, jgħidulu, "Stajt mort aħjar!" (Mur obsor!) Missier jimbotta lit-tifel biex ikun l-aħjar futboller jew biex jiġi l-ewwel fil-klassi; jew omm issus wara bintha biex tkun l-isbaħ u l-aħjar fl-iżfin jew il-pjanu. It-tfal iħossuhom frustrati għax jagħmlu x'jagħmlu qatt ma jistgħu jogħġbuhom.
Xkiel
Il-ġenituri jqisu ‘l uliedhom bħala xkiel għal ħajjithom. It-tfal jisimgħu kummenti bħal, "Nixtiequ niġu, imma kif nistgħu bit-tfal?!" Jew, it-tifel jiġi jurik it-tpinġija li għamel jew il-logħba fuq it-tablet, u minflok tagħtih l-attenzzjoni, tgħidlu, "Mhux issa, bħalissa għandi x’nagħmel." M'għandhomx għalfejn jistagħġbu l-ġenituri meta t-tfal ma jfittxuhomx aktar.
Skoraġġiment
It-tfal jisimgħu kliem bħal, "Int ma tifhimx," jew, "Kemm inti injorant." Jisimgħu l-ġenituri jitkellmu fuqhom, "Kemm għandi tifel imqareb!" Diskors bħal dan huwa skoraġġanti immens. X’mottiv qed tagħti lit-tfal biex jitgħallmu jġibu ruħhom aħjar? Minflok tibqa’ ttambar, "Kemm inti naughty!", mhux aħjar tgħidu, "Ryan, inti tifel bravu. Jiddispjaċini meta tagħmel hekk. Darb’ oħra terġax, ok?"
La ddejjqux lil uliedkom
Għeżież ġenituri, ejja nżommu f'moħħna dak li jgħidilna Alla fl-Iskrittura biex inrabbu 'l uliedna sewwa: "Intom, missirijiet, la ddejjqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom" (Kolossin 3:21); "Intom il-missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed (tipprovokawx) lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej" (Efesin 6:4).
L-artist Amerikan, Benjamin West, jirrakkonta kif sar pittur. Ommu ħallietu d-dar biex jieħu ħsieb ’l oħtu ż-żgħira, Sally. Qabel ħarġet mid-dar ommu wissietu, “Benjamin, sakemm nerġa’ niġi ġib ruħek sew u ħu ħsieb lil Sally.” Hekk kif ommu telqet mid-dar, sab il-kuluri taż-żebgħa, ħareġ il-pniezel u biċċa karta, u beda jpinġi portrait ta’ oħtu. Waqt li kien qed ipinġi ċappas kullimkien bil-linka kkulurita. Meta ommu rritornat id-dar u daħlet fil-kamra, rat it-tiċpis ma’ kullimkien; hi ħarset wkoll lejn il-karta u ħaditha f’idejha. “Din Sally!” Tbaxxiet u bieset lil binha. Meta kiber West stqarr, “Il-bewsa t’ommi għamlitni pittur.”
Faċilment irreaġixxiet b’mod ieħor: “Ara kif ċappast kullimkien! Kif ma nistax nafdak f’xejn! Kieku xi darba tagħmel waħda tajba!”
U int, missier jew omm, qiegħed tinkoraġixxi lil uliedek jew tiskoraġġihom?