Ir-rwol tal-missier fit-trobbija tat-tfal

  • It-tfal għandhom bżonn lil ommhom u għandhom bżonn lil missierhom ukoll.
  • Il-missier jitlef il-ġost ta’ relazzjoni sabiħa ma' wliedu jekk jaħdem daqs bagħal għall-familja u ma jqattax ħin magħhom.
  • It-tfal jitilfu l-influwenza unika fl-iżvilupp u fil-karattru tagħhom jekk ma jkollhomx relazzjoni sinifikanti ma’ missierhom.
  • Mhux fl-interess tat-tfal li jkunu l-ħin kollu taħt djul ommhom, u ma jkunux kapaċi jirrelataw ma’ missierhom, nanniet, u nies oħra.
  • Minn qalbi nħeġġeġ lill-missierijiet biex jorganizzaw it-timetable tagħhom u jinkludu ħin ddedikat għal uliedhom. Naf li kulħadd imħabbat bix-xogħol (jien ukoll). Imma jeħtieġ insibu ħin biex nilgħabu, nitkellmu, niddiskutu u noħorġu mat-tfal tagħna. Bħala familja. U weħidna wkoll (il-missier mat-tifel jew tifla weħidhom, mhux mal-omm ukoll). L-opportunità li nibnu relazzjoni tajba ma' wliedna tgħaddi bħal żiffa riħ.
  • Aħna l-missirijiet irridu nagħtu sehemna fl-edukazzjoni ta' wliedna - ngħinuhom fil-homework, nistaqsuhom fuq fl-iskola, u ninkoraġġuhom. ('Kemm ktibt pulit, prosit.' Jew, 'Ġibt 8 minn 10 tajbin fid-dictation. M'hawnx għalik!')
  • Lill-ommijiet inħeġġiġhom biex jgħinu lir-raġel jorganizza ħinu u ‘jisforzawh’ iqatta’ ħin waħdu mat-tfal.
  • Ngħid għalija nieħu gost mat-tfal, u naħseb li huma jieħdu gost ukoll.
  • Nittama li meta jitilqu mid-dar inkun pprovdejtilhom mhux biss għall-bżonnijiet materjali, imma jieħdu magħhom ukoll memorji sbieħ, u li nkun tajt is-sehem sħiħ tiegħi biex ikunu ppreparati biex jiffaċċjaw il-ħajja weħidhom b'kuraġġ, għaqal u ferħ.