Il-Fisqija

  • Il-fisqija (‘swaddling’) huwa mod kif tgħin lit-tarbija tħossha kalma u torqod aħjar u aktar fit-tul fl-ewwel ġimgħat tal-ħajja. It-tarbija fil-fisqija tħossha bħallikieku għadha fil-ġuf.
  • Il-fisqija ilha tintuża mill-antik. Ix-xjenza moderna tikkonferma li dan il-metodu jgħin xi trabi biex jikkalmaw u jorqdu aħjar.
  • Jekk il-fisqija issir b’mod ħażin, tista’ tkun ta’ periklu għat-tarbija. Staqsi lill-midwife biex turik kif tfisqi sewwa lit-tarbija tiegħek. Tista’ wkoll tara dan il-video
  • Huwa normali li t-tarbija tferfer idejha meta tkun qed tġeżwirha; dan huwa rifless awtomatiku (‘startle reflex’) u ma jfissirx li t-tarbija ma tridx li tkun mgeżwra.
  • L-għonq u r-ras tat-tarbija għandhom jibqgħu mikxufin.
  • L-idejn għandhom jitqegħdu fuq ġewwa mal-ġenb u mhux fuq is-sider.
  • Ara li l-fisqija ma tkunx marsusa wisq. Ir-riġlejn irid ikollhom spazju biżżejjeb biex jiċċaqilqu bla xkiel (biex tevita problemi fil-ġog tal-koxxa, ‘hip dysplasia’).
  • Mill-banda l-oħra ara li l-fisqija ma tkunx merħija tant li t-tarbija tkun tista’ toħroġ idejha barra. Jekk il-gverta tinħall tista’ tkun ta’ periklu jekk tiġi f’wiċċ it-tarbija u tfixkilha milli tieħu n-nifs.
  • Ara li t-tarbija ma tissaħħanx iżżejjed. L-iskop tal-fisqija huwa li żżomm it-tarbija komda mhux li ssaħħanha. Is-sħana żejda hi perikoluża. Libbes lit-tarbija bi ħwejjeġ ħfief u uża ġverta irqieqa biex tġeżwirha.
  • Mhux it-trabi kollha għandhom bżonn ikunu mfisqija. Uħud minnhom jibbenefikaw imma oħrajn le.
  • It-tarbija għandha titqiegħed torqod dejjem fuq daharha, u qatt fuq il-ġenb jew fuq żaqqha, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ cot death.
  • Jekk se tfisqi lit-tarbija ibda mill-ewwel ġurnata tat-twelid. Tibqax tfisqija waqt li tkun imqajjma meta jkollha madwar xahar, u tkomplix tfisqija aktar, lanqas matul l-irqad, meta t-tarbija tibda tiġġenneb jew iddur fuq żaqqha (meta jkollha bejn xaharejn u tlieta).
Aktar tagħrif

Swaddling: Is it Safe? (Americal Academy of Paediatrics)

Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.