Kawasaki Disease u COVID-19 fit-tfal

Kien hemm rapporti fil-media li xi tfal fir-Renju Unit żviluppaw kundizzjoni tixbaħ lil Kawasaki disease – x’uħud kienu posittivi għall-COVID-19 u oħrajn le.
X’inhi Kawasaki Disease?
- Kawasaki disease hi kundizzjoni rari ħafna fejn is-sistema immunitarja toħloq infjammazzjoni fil-ġisem, inkluż fl-arterji tal-qalb. Tolqot l-aktar tfal taħt-il 5 snin.
- Il-kawża mhix magħrufa (mhix infezzjoni u m'hemmx tilqima kontriha).
- Tippreżenta bid-deni għal diversi jiem, għajnejn ħomor, raxx fil-ġilda, xofftejn ħomor u xotti, nefħa fl-idejn u s-saqajn, u glandoli minfuħin.
- Din il-kundizzjoni taf tkun serja għax tista’ taffetwa l-qalb. Għalhekk isir echocardiogram biex ikun stabbilit jekk hemmx problemi fil-qalb.
- Il-kura medika hi effettiva u t-tfal ġeneralment jirkupraw fi ftit jiem.
- COVID-19 rari ħafna tagħti mard serju fit-tfal. Ħafna tfal li jkollhom il-COVID-19 ikollhom sintomi ħfief, jew ma jkollhom ebda sintomu, u għalhekk jistgħu jibqgħu d-dar. Ftit ħafna huma t-tfal li jkollhom bżonn kura l-isptar.
- It-tfal jistgħu jinfettaw lil ħaddieħor avolja ma’ jkunux jidhru morda. Għalhekk huwa importanti li ma’ jmorrux ħdejn in-nanniet u nies vulnerabbli.
- Jekk it-tfal ikunu morda bid-deni, ma jifilħux jew ikollhom xi sintomi (sogħla, nifs mgħaġġel, uġigħ, diarrhoea jew rimettar, u sintomi oħra), fittex l-għajnuna medika. Ħafna drabi ma jkunux morda bil-COVID-19 imma b’xi infezzjoni oħra. It-tabib jikteb il-kura addatta skont xi tkun l-infezzjoni.