Huwa safe li t-tfal imorru l-iskola?

Ħafna ġenituri staqsejtuni jekk hux ‘safe’ tibgħatu lit-tfal tagħkom l-iskola, issa li se jerġgħu jiftħu n-nurseries u Skolasajf.
Ngħidha kif naħsibha:
- Jidher li l-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna naqset ħafna (kif jidher minn numru kbir ta’ swab tests li qed isiru kuljum u li minnhom ftit ħafna jkunu pożittivi). Madankollu ma nistgħux ngħidu li ħlisna għal kollox mill-coronavirus. Il-potenzjal li jerġa’ jinfirex hemm għadu, speċjalment issa li qed ikun hemm ħafna aktar kuntatt bejn in-nies.
- In-nurseries u l-iskejjel għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet kollha ta’ iġene u social distancing biex jitnaqqas kemm jista’ jkun it-tixrid tal-mard.
- Social distancing fit-tfal huwa prattikament impossibbli.
- Meta jibdew imorru l-iskola t-trabi u t-tfal żgħar jimirdu ta’ spiss (bl-irjiħat, rimettar, dijarea, hand-foot-and-mouth, roseola, u ħafna infezzjonijiet oħra).
- Qabel jagħlqu sena t-trabi huma ħafna aktar suġġetti li jimirdu ta’ spiss u aktar gravi minn tfal akbar.
- Tfal, għalliema u carers li jkunu morda, anke b’sintomi ħfief, għandhom joqgħodu d-dar u ma jmorrux lura l-iskola qabel ifiequ. Dan inaqqas it-tixrid tal-mard imma mhux għal kollox (għax ħafna tfal ikunu infettivi qabel ifeġġu s-sintomi).
- Il-Covid-19 fit-tfal hi ġeneralment marda ħafifa, u anke mingħajr ebda sintomi. Rari ħafna Covid-19 tista’ tkun ukoll marda serja fit-tfal.
- Jekk it-tfal għandhom mard jew kundizzjonijiet kroniċi, il-ġenituri għandhom jiddiskutu mat-tabib tat-tfal tagħhom jekk jistgħux jibgħatuhom l-iskola.
- Ara li t-tilqim tat-tfal huwa 'up-to-date'.
- Wieħed irid iqis il-benefiċċju li t-tfal jieħdu mill-iskola (l-iżvilupp tal-lingwa u ħiliet soċjali, fost oħrajn).
- Xi ġenituri se jieħdu t-tfal n-nursery għax m’għandhomx għażla peress li se jkollhom jidħlu lura għax-xogħol.
- Ħadd m’għandu idea x’se jiġri fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Jekk jerġa’ jiżdied il-mard, il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li jwaqqfulhom l-iskola. Anke l-awtoritajiet jiġu kostretti jerġgħu jieħdu miżuri biex jingħalqu l-iskejjel.