Meta t-Tfal Jinfarġu
Hija ħaġa komuni li t-tfal jinfarġu. Dan jiġri l-aktar minħabba l-arja xotta, l-irjieħat, allerġiji, u għaliex it-tfal ideffsu subgħajhom f'imnifsejhom. Id-demm jiġi mir-rita tal-parti ta' quddiem tal-imnifsejn.
L-EWWEL GĦAJNUNA
Huwa faċli li twaqqaf id-demm:
- Żomm kalm u kkalma lit-tifel jew lit-tifla.
- Għid lit-tifel ipoġġi bilqegħda, bir-ras mixħuta ftit 'il quddiem (u mhux lura, għax dan iwassal biex id-demm iċarċar fil-ġriżmejn u fl-istonku, u jikkawża soggħla, dardir u remettar).
- Agħfas il-parti ratba ta' quddiem tal-imnieħer bejn żewġ swaba (u mhux il-parti iebsa tan-naħa ta' fuq tal-imnieħer). Tfal akbar jistgħu iżommu mneħirhom huma stess.
- Żomm l-imnieħer għal 10 minuti. Toqgħodx tiċċekkja kull ftit ħin biex tara jekk waqafx id-demm! Agħti ċans id-demm jagħqad.
- Jekk id-demm jibqa' ħiereġ, erġa' żomm l-imnieħer għal 10 minuti oħra.
GĦAJNUNA MEDIKA
- Mur l-isptar jekk: (1) id-demm ma jieqafx wara l-ewwel għajnuna. Ibqa' żomm l-imnieħer sakemm tasal l-isptar, fejn ikunu jistgħu jwaqqfu d-demm; (2) it-tfal ikunu nfarġu wara ħabta fir-ras jew fil-wiċċ.
- Kellem lit-tabib jekk it-tfal: (1) jinfarġu ta' spiss; (2) jitbenġlu aktar minn normali jew joħroġ ħafna demm mill-ħanek meta jaħslu s-snien. Għandu mnejn ikun hemm bżonn testijiet tad-demm biex naraw jekk hemmx xi bleeding disorder (eż. plateletes baxxi).
PREVENZJONI
- Uża humidifier fil-kamra tas-sodda.
- Applika ġel apposta fl-imnifsejn.
- Żomm id-dwiefer tat-tfal qosra.
Disclaimer
L-informazzjoni f'dan l-artiklu hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.