Ngħinu 'l uliedna waqt l-eżamijiet



L-eżamijiet iġibu magħhom stress għat-tfal u l-familja kollha. It-tfal jistgħu juru diversi sinjali ta’ ansjetà:

  • Iħossuhom beżgħanin wisq u nkwetati ħafna.
  • Iħossu uġigħ ta’ ras jew uġigħ ta’ żaqq.
  • Ma jorqdux tajjeb.
  • Jitilfu l-interess fl-ikel jew jieklu aktar mis-soltu.
  • Jaqtgħu qalbhom.
  • Paniku u nifs mgħaġġel.
Ftit tensjoni fi żmien l-eżamijiet hi normali u meħtieġa; imma wisq ansjetà ġġib magħha tbatija u miżerja. It-tfal jistgħu jitgħallmu jikkontrollaw l-imġieba u l-emozzjonijiet tagħhom.

X’nistgħu nagħmlu l-ġenturi biex ngħinuhom?

1. Nipprovdulhom ikel bnin u favorit tagħhom.

2. Ninkludu ħin għall-mistrieħ, ftit eżerċizzju fiżiku u anke xi ħarġa. Nillimitaw it-TV u screen-time.

3. Nassiguraw li qed jorqdu biżżejjed. L-irqad itejjeb il-memorja u l-konċentrazzjoni.

4. Aħna l-ġenituri għandna nibqgħu kalmi u ma nkomplux nżidu l-istress bl-attitudni tagħna.

5. Ngħinuhom jżommu l-post fejn jistudjaw fl-ordni, u ngħinuhom jippjanaw kif se jqassmu x-xogħol ta’ reviżjoni u past papers. Huwa impossibbli jirrevedu kollox kollox. Għalhekk għandhom jiffokkaw fuq dawk l-oqsma li huma aktar importanti.

6. Nitkellmu magħhom dwar kif qed iħossuhom. Nisimgħu sewwa x’għandhom x’jgħidulna. Kultant l-aħjar parir ikun is-silenzju, xi tgħannieqa u li noqgħodu ħdejhom.

7. Infakkruhom kemm ħadmu matul is-sena, kemm l-iskola u d-dar. Infakkruhom ukoll li l-eżamijiet huma maħsuba għall-ġid tagħhom biex ikunu jafu fejn wasslu f’kull suġġett.

8. Tkomplix iżżid l-istress bil-kritika u dgergir, jew paraguni ma’ tfal oħra u ma' ħuthom.

9. Lejlet l-eżami ngħinuhom jagħmlu reviżjoni, u naraw li jieklu, jinħaslu u jorqdu fil-ħin. Huwa imporanti li jkunu straħu sewwa mal-lejl u li dakinhar tal-eżami jkunu friski u żvelti.

10. Ngħidulhom biex jagħmlu ħilithom, u li għandhom jimmiraw biex jgħaddu u jmorru tajjeb, imma ħadd m’huwa jistenna minnhom perfezzjoni. Anke jekk ma jgħaddux, ma tkunx waqgħet id-dinja. It-tfal għandhom bżonn ħafna, ħafna nkoraġġiment u tifħir għall-isforzi tagħhom.

11. Nitolbu għalihom u nitolbu magħhom biex ifittxu l-għajnuna t’Alla u jafdaw kollox f’idejh.