Il-herpangina
Il-herpangina hi infezzjoni kkawżata minn virus; tolqot l-aktar lit-tfal żgħar, speċjalment fl-ewwel ħames snin; u hi l-aktar komuni fis-sajf u l-ħarifa. Il-herpangina tixbaħ il-hand foot and mouth disease.
Is-Sintomi
L-ewwel sintomi joħorġu bejn tliet u ħamest ijiem minn meta tieħu l-virus.
Is-severità u s-sintomi jistgħu jvarjaw minn persuna għall-oħra. It-trabi tat-twelid u persuni b’immunità dgħajfa huma f’riskju li jkollhom mard aktar gravi.
Is-sintomi jinkludu:
- Ulċeri/pustumetti fil-ħalq (l-aktar fis-saqaf tal-ħalq), il-griżmejn u l-ilsien.
- Deni, li jitla' f'daqqa u sikwit ikun għoli.
- Uġigħ fil-ġriżmejn.
- Uġigħ ta’ ras.
- Tbeżlieq.
- Nuqqas tal-aptit.
Il-Kawża
Il-herpangina hi kkawżata minn virus (coxachie u echovirus). (Għalkemm tissejjaħ ‘herpangina’, il-virus mhux herpes).
Id-Dijanjosi
It-tabib jasal għad-dijanjosi mill-eżami kliniku. M’hemmx bżonn xi testijiet speċjali.
Il-Kura
Il-kura tinkludi paracetamol u ibuprofen biex jittaffa l-uġigħ u jitnaqqas id-deni. L-antibiotiċi m’hemmx bżonnhom. It-tfal għandhom jingħataw jixorbu (ilma, ħalib, jelly, eċċ) biex ma jixxottawx, u ikel artab u frisk (eż. jogurt, ġelat, custard, eċċ). Ġieli jkun hemm bżonn jiddaħħlu l-isptar għad-dripp minħabba dehydration.
Il-Prevenzjoni
Il-herpangina tinxtered malajr fost it-tfal żgħar fiċ-childcare. L-iġene u l-ħasil tal-idejn huma imporanti sabiex l-infezzjoni ma tinxteridx. It-tindif tal-iskola huwa wkoll importanti biex ma jinxteridx il-mard.
It-tfal jistgħu jirritornaw l-iskola jew childcare meta jinżel id-deni u jkun għaddielhom, ġeneralment fi żmien ġimgħa jew ftit aktar.